Il-gowlkiper internazzjonali Taljan ta’ 40 sena, Federico Marchetti hu l-isem l-aktar favorit li l-kowċ ta’ Hamrun Spartans, Luciano Zauri qed jikkonsidra bħala l-goalkeeper ta’ emerġenza wara li fil-jiem li għaddew weġġa’ Henry Bonello.
Jingħad li Ħamrun Spartans kienu diġa’ qed jikkonsidraw li jġibu gowlkiper ta’ isem Taljan qabel weġġa’ Bonello mat-tim nazzjonali Malti, biex ikun wieħed mill-għażliet li jkollu Zauri matul l-istaġun madankollu din l-urġenza issa kibret u hi l-akbar prijoritá fil-klabb Ħamruniż.
Dan għaliex Bonello se jkun qed jitlef l-ewwel partiti tal-kompetizzjonijiet Ewropej wara li kiser il-pala ta’ idejħ u se jkollu jopera ruħu. Għaldaqstant Ħamrun Spartans m’humiex se jieħdu riskju u jeħtieġ li jassiguraw li jkollhom gowlkiper ieħor ta’ esperjenza fin-nuqqas ta’ Bonello.
Isem Marchetti hu magħruf sew għalkemm illum hu kbir fl-etá. Apparti li lagħab 11-il darba mat-tim nazzjonali Taljan, Marchetti lagħab ukoll ma’ Zauri fl-iskwadra ta’ Lazio bejn l-2011 u l-2013.
F’Jannar li għadda, Marchetti ffirma għal nofs staġun ma’ Spezia fis-Serie A, bil-klabb kien relegat għas-Serie B fl-aħħar tal-istaġun li għadu kemm intemm.