Lokali

Id-Deputati ta’ Abela jibqgħu jiddefendu lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi

L-allegazzjoni hija serjissima: l-eks Mexxej tal-Labour u eks Prim Ministru Joseph Muscat huwa l-moħħ wara l-allegat frame-up li qed isir fil-konfront tad-Deputat Prim Ministru u MinIstru tas-Saħħa Chris Fearne.

Din l-allegazzjoni saret tal-inqas darbtejn mill-awtur Mark Camilleri; allegazzjoni li s’issa, jiem wara li saret għall-ewwel darba…għadu ħadd ma ċaħadha.

Matul il-jum tat-Tnejn, Net News staqsa lil Robert Abela dwar x’jaħseb rigward din l-allegazzjoni, b’Abela jgħidilna sabiex immorru nistaqsu aħna lil Muscat.

Fl-aħħar ġimgħat Carmen Ciantar, li tinsab awto-sospiża mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, saħqet li forzi tad-dlamijiet qed jużaw lilha sabiex iwettqu frame-up fuq Chris Fearne, b’Mark Camilleri jgħid li Muscat u s-soċji kriminali tiegħu huma wara dan kollu.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lil Ministru Galdes għalfejn il-Partit Laburista mhux jiddefendi lill-eks Mexxej tiegħu minkejja dawn l-allegazzjonijiet serji li qiegħed iwaddab it-tajn fuq wieħed minn tagħhom.

B’mod mill-aktar skomdu kellu jwieġeb ukoll il-Ministru Anton Refalo, ieħor li kien membru fil-Kabinett li kellu jxolxji b’mod prematur taħt Joseph Muscat….b’Refalo jinħeba wara d-diskors ta’ Robert Abela.

Fl-eqqel ta’ dan kollu, t-Tlieta waranofsinhar Joseph Muscat kellu jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fejn fost id-diversi mistoqsijiet li sarulu, Muscat wieġeb illi jemmen li l-eks star candidate Laburista, Konrad Mizzi għamel xogħlu sewwa meta kien Ministru. Dan minkejja d-dellijiet u s-suspetti kollha fil-proġett tal-Electrogas meta kien Ministru tal-Enerġija, minkejja li l-kuntratti li daħħal lil pajjiżna fihom mal-Vitals fuq it-tlett sptarijiet instabu li kienu frawdolenti waqt li kien Ministru għas-Saħħa…u minkejja li l-Air Malta xorta waħda se tispiċċa tagħlaq….legat li ħalla warajh għal darb’oħra Mizzi meta kien Ministru għat-Turiżmu.

Net News staqsa lil sħabu humiex tal-istess fehma ta’ Muscat dwar Konrad Mizzi. Iżda għal darb’oħra ħadd minnhom ma kkundannah b’mod ċar u dirett.