Lokali Parlament

Il-gvern għandu jirregolarizza l-pożizzjoni ta’ ħaddiema bla warrant fis-settur soċjali; qed jixxekkel is-settur

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista sostniet fil-parlament li l-gvern għandu jirregola l-pożizzjoni ta’ ħaddiema bla warrant fis-settur soċjali.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet li l-Ministru Michael Falzon għamel diskors parlamentari dispreġjattiv lejn l-Oppożizzjoni u lejn organizzazzjonijiet fis-settur foshtom il-ħaddiema, l-Università u l-bord innifsu.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li dawk involuti kkundannaw id-diskors tal-Ministru Falzon u sostniet li issa l-ministru ħaraq il-pontijiet kollha mas-settur.

Il-Ministru Falzon ma jridx jifhem x’inhi l-kwistjoni; din mhix logħba partiġġjana, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet hi qatt ma qalet li l-ministeru qed jattakka lill-ħaddiema soċjali, Il-gvern irid jaċċetta li minħabba ħaddiema mhux imħarrġa u bla warrant fis-settur soċjali, dan is-settur qed ikun imxekkel.

Hi qalet li l-IFSW diġà kitbet lill-gvern dwar din is-sitwazzjoni u sostniet li l-Oppożizzjoni mhix tgħid li m’hawnx xogħol għall-ħaddiema soċjali. Attard Previ appellat lill-ministru u mill-bord biex jiċċaraw allegazzjonijiet dar diskriminazzjoni mill-istess Ministru Falzon.

L-FSWS qed timpjega nies bla taħriġ bħala ħaddiema soċjali u saru Social Welfare Professionals meta dan hu titlu qarrierqi għaliex il-persuni m’għandhomx il-kwalifiċi neċessarji.

Dwar dan tkellmu id-diversi entitajiet u saru laqgħat mal-Ministru Falzon, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex issa l-Ministru Falzon qed jallega li din saret kwistjoni partiġġjana.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li s-settur soċjali hu regolat bil-liġi u dan ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema bla warrant qed jikser il-liġi. Hi sostniet li l-gvern għandu jirregolarizza l-pożizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema wara li kien hu li ħoloq is-sitwazzjoni.

Dawn il-ħaddiema qed jagħmlu ħilithom kollha fix-xogħol u jistgħu jagħmlu l-kors tal-master fis-social work biex is-sitwazzjoni tkun regolata. Hi appellat ukoll biex il-gvern jinvesti fil-professjoni tas-social work u biex isiru d-diskussjonijiet neċessarji beix dan is-settur jissaħħaħ.