Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li l-proposta tal-PN li l-ambjent isir dritt fil-kostituzzjoni ifisser li ċ-ċittadini kollha jkollhom id-dritt li jieħdu l-passi legali biex jipproteġi l-ambjent u fil-fatt isir gwardjan tal-ambjent.
Bernard Grech qal li l-PN għandu għal qalbu l-fatt li jiżdied kull mezz kif il-pajjiż isaħħaħ l-ambjent. Hu sostna li sena u nofs ilu, l-PN ippreżenta mozzjoni kważi identika għal din il-liġi iżda l-gvern kien ivvota kontra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-PN jemmen f’iktar tarsrpenza, partċipazzjoni u vuċi għal-pubbliku u għall-NGOs iżda ma jifhmix kif il-gvern iħares lejn il-politika b’mod kalkolattiv u sena u nofs ilu, kien kontra l-proposta tal-PN.
L-ambjent jixraqlu imġieba iktar matura mill-politiċi tal-pajjiż u mill-mexxejja kollha. Għalhekk hu importanti li l-pajjiż jibda jħares lejn it-titjib tal-ambjent bis-serjetà billi jkun hemm deċiżjonijiet flimkien li jsaħħu l-ambjent.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu għandu jsir il-gwardjan tal-ambjent għaliex dan jolqot kull ċittadin u kull komunità. Hu sostna li l-pajjiż qed jgħix kriżijiet ambjentali kbar u theddid fuq iż-żgħar u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.
Ulied il-poplu u dawk li għad iridu jitwieldu se jsibu Malta differenti; illum iridu jittieħdu deċiżjonijiet ċari favur il-ġenerazzjonijiet preżenti u favur dawk futuri, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-mexxejja tal-pajjiż għandhom dritt jipproteġu l-ambjent skont il-kostituzzjoni.
Il-gvern qed jimmina l-azzjoni favur l-ambjent b’ħabi u malizzja fejn bil-kontroll tal-istituzzjonijiet ambjentali, l-ambjent qed jinsteraq u jiġi irkantat, sostna Bernard Grech, li kompla li wasal iż-żmien li l-pajjiż jgħaraf il-valur ta’ ambjent nadif u sostenibbli bħala dritt fundamentali tal-bniedem.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal l-abbozz tal-PN jistabilixxi dritt għal ambjent b’saħħtu nadif u sostenibbli u dritt li ċ-ċittadin jista’ jinforza d-dritt legali billi jmur quddiem qorti u jħares l-ambjent.
Bernard Grech qal li l-PN qed jagħti ċ-ċavetta lill-poplu biex ikun jista’ jħares l-ambejnt għall-għeżież tal-poplu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni stieden lill-gvern biex jifhem li dan hu l-mument li jgħaddi għall-fatti biex l-ambjent ikun preservat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Għall-PN, is-sempliċi rikonoxximent tal-ambjent fil-Kostituzzjoni mhux biżżejjed iżda jeħtieġ li ċ-ċittadini jkollhom id-dritt li jinforzaw dan id-dritt b’mod legali.
Bernard Grech qal li b’dan id-dritt kulħadd isir gwardjan tal-ambjent u kompla li bil-proposta tal-PN, il-ħarsien ambjentali ma jitħalliex biss fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet iżda jsir responsabblità tal-partijiet kollha interessati fis-soċjetà.
//= $special ?>