Għawdex Lokali

Il-UĦM b’direttivi għall-ħaddiema tal-Gozo Channel

Wara sentejn u nofs ta’ tkaxkir tas-saqajn, il-UĦM Voice of the Workers ordnat direttivi għall-ħaddiema tal-Gozo Channel. Dan minħabba li l-impjegati tal-Gozo Channel ilhom dan iż-żmien kollu jistennew ftehim kollettiv ġdid.

Minħabba dawn id-direttivi, ir-rampa dedikata lill-passiġġieri mhux se topera. B’riżultat ta’ dan, il-passiġġieri kollha se jkollhom jgħaddu mill-garage tal-vapur – fi kliem sempliċi, mill-istess post li minnu jidħlu l-vetturi. Dan ifisser li kull traġitt se jiżdied b’10 minuti, minħabba li se jingħata ċans lin-nies jitilgħu abbord il-bastimenti qabel jidħlu l-karozzi.

Ħaddiema li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif huwa tal-mistħija li jkollok tasal sa dan il-punt, għaliex l-impjegati tal-Gozo Channel jixirqilhom aħjar.

Stqarrija tal-UĦM

Dawn l-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ l-Erbgħa 21 ta’ Ġunju fis-1pm. Iddewmien esaġerat biex il-kumpanija tagħti lill-ħaddiema dak li ħaqqhom qed joħloq tħassib serju kemm din għandha interess li tikkonkludi dawn innegozjati. Il-ftehim preżenti skada sentejn u nofs ilu.

L-azzjonijiet industrijali, li japplikaw għall-impjegati kollha irrispettivament humiex membri tal-UHM jew le, kif ukoll għall-ħaddiema tal-kuntratturi li qed jagħtu servizz lil Gozo Channel, huma:

  • Il-front desk: ma jirrispondux radjijiet/VHFs, telephones/mobiles u ma jdaħħlux data bħal sostituti u trip counts;
  • It-Terminal Officer u l-Coordinators: jiskennjaw il-biljetti tal-karozzi minn
    ħdejn ir-rampa tal-vapuri eżatt qabel ikunu telgħin il-karozzi fuq il-vapuri u mhux meta l-karozzi jidħlu fil-marshalling area. Barra minn hekk, dawn ma għandhomx jirrispondu telephones/mobiles għal-skop ta’ xogħol jekk ikun hemm Duty Manager xogħol;
  • Ħaddiema tal-uffiċċju: ma jirrispondux it-telephone u/jew il-mobile għalskop ta’ xogħol;
  • Il-baħrin u l-bosuns: ma joperawx is-side ramp u allura l-passiġġieri
    għandhom jidħlu mill-garaxx. Barra minn hekk, l-imbark jibda biss wara seba’ minuti li tinżel l-aħħar vettura mill-vjaġġ ta’ qabel u jibdew billi jimbarkaw lill-passiġġieri l-ewwel;
  • Iż-żibel jitniżżel biss sal-garaxx tal-vapur u ma jinħarigx barra mill-vapur la mill-cabin attendants u lanqas mill-baħrin jew mill-bosuns;
  • Il-Customer Service Sales u il-Customer Service Sales Coordinators: ma għandhomx ikejlu l-vetturi. Barra minn hekk, ma jirrispondux ittelephone u/jew il-mobile;
  • Ticket Collectors: ma jdaħħlux passiġġiera fil-waiting area qabel ikun ser jibda jgħabbi l-vapur;
  • L-Electronics Engineers u ICT Executives: ma jirrispondux telephone jew mobile għal komunikazzjoni interna.

Il-UĦM qed tirriserva d-dritt li tħarrax l-azzjonijiet industrijali jekk is-sitwazzjoni mhux ser tkun riżolta immedjatament. Irrispettivament mid-direttivi imsemmija hawn fuq, il-UHM talbet lil kumpannija sabiex tħalli numru wieħed sabiex jintuża f’kas ta’ emerġenza mill-ambulanzi
u/jew protezzjoni ċivili.