Ir-raġel akkużat li kkawża żewġ t’imwiet fil-Mosta, f’inċident fejn mill-proċeduri fil-qorti ħareġ li kien taħt l-effett tad-droga u xorb waqt li kien qed isuq ix-xahar li għadda ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li għadda aktar minn xahar arrestat.
Karl Vella Petroni ta’ 41 sena mill-Manikata jinsab mixli li kkaġuna l-mewt ta’ żewġt irġiel meta ħabat mal-mutur li kienu qed isuqu, allegatament waqt li kien taħt l-influwenza tal-kokaina, cannabis u alkoħol. Vella Petroni kien qed isuq karozza Smart Fortwo meta ħabat ma’ mutur Yamaha Crypton fi Triq ta’ Żejfa, il-Mosta għall-ħabta tas-6am tas-Sibt 6 ta’ Mejju.
Iż-żewġ vittmi, Ali Abbas ta’ 41 sena u Faizan Muhammad ta’ 33 sena, it-tnejn mill-Pakistan kienu sejrin lejn ix-xogħol f’fabbrika fir-Rabat. Muhammad ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Abbas ċeda għall-ġrieħi tiegħu ftit wara l-wasla tiegħu fl-isptar Mater Dei.
F’digriet mogħti mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, Vella Petroni ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti, li jinkludu li jkun sorveljat minn Uffiċjal tal-Probation, li jissottometti Ordni ta’ Trattament u testijiet tad-droga darbtejn fil-ġimgħa.
Huwa meħtieġ ukoll li jiffirma f’Għassa tal-Pulizija kuljum u josserva curfew. Il-qorti pprojbitu wkoll milli jsuq kwalunkwe vettura sakemm il-każ jiġi deċiż b’mod definittiv. Għal Karl Vella Petroni qed jidhru l-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran. L-Ispettur Godwin Scerri qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-Avukat Matthew Xuereb qed jidher bħala parte civile, għan-nom tal-vittmi.
//= $special ?>