Lokali

Is-social workers abbandunati mill-Gvern ta’ Robert Abela

L-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Soċjali esprimiet id-diżappunt tagħha għad-diskors li ntqal mill-Ministru Michael Falzon fil-Parlament fir-rigward tal-professjonisti li huma ħaddiema soċjali.

Dan hekk kif fi kliem l-Assoċjazzjoni, il-Ministru qed juri stampa totalment differenti mir-realtà u b’konsegwenza ta’ tkaxkir tas-saqajn mill-Gvern ta’ Robert Abela … is-social workers sfaw abbandunati.

Fid-diskors tiegħu, Falzon ta l-impressjoni li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali kellha diversi laqgħat mal-Ministru tal-Politika Soċjali matul dawn l-aħħar sentejn sabiex jiddiskutu diversi sfidi fosthom, il-kwistjoni li allegatament diversi individwi li mhumiex kwalifikati biżejjed qegħdin iwettqu l-irwol ta’ social workers. Madankollu sal-lum, l-assoċjazzjoni baqgħet ma rċeviet l-ebda komunikazzjoni mill-Ministeru u l-problemi minflok issolvew baqgħu jiżdiedu.

Fl-istqarrija ppubblikata l-Erbgħa filgħodu, l-għada tad-diskors ta’ Falzon …. l-Assoċċjazzjoni saqsiet għaliex għandhom jgħaddu sentejn sabiex jiġu solvuti l-problemi li l-ħaddiema soċjali qegħdin isibu ma’ wiċċhom …. Dan kollu jikkontradixxi dak li prova juri l-Ministru Falzon fejn b’tant pompa ftaħħar bl-apprezament li l-Gvern għandu lejn dawn il-Ħaddiema.

Fl-istqarrija, l-assocjazzjoni insistiet li għalkemm f’dawn l-aħħar sentejn,  preżentaw numru ta’ suġġerimenti lill-Ministru biex aktar nies jersqu lejn il-professjoni tax-xogħol soċjali, dawn mhux talli qatt ma ġew rikkonoxxuti talli fid-diskors tiegħu il-Minsitru ħeġġeġ lill-ħaddiema soċjali sabiex ma jiġux influwenzati minn politika partiġġjana.

L-Assoċjazzjoni għamlitha ċara li li hi entità newtrali u tinkludi membri b’fehmiet politiċi differenti.

Fis-diskors tiegħu, Falzon qal li l-allegazzjonijiet li l-Gvern ta’ Abela qed jittratta ħażin lill-ħaddiema soċjali, huma foloz … filwaqt li pprova jiddefendi lilu nnifsu billi qal li mhux hu li joħroġ il-warrants lill-ħaddiema soċjali.