Lokali

Kunċert Ċelebrattiv mill-Banda Sant’ Andrija – 140 sena Soċjetà

L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa ser tkun tfakkar il-140 sena mit-twaqqif tagħha b’kunċert ċelebrattiv nhar is-Sibt, 24 ta’ Gunju fuq il-Planċier tas-Soċjetà f’Misraħ il-Knisja Ħal Luqa fit-8.30pm.

Dan il-kunċert ser ikun wieħed speċjali, mhux biss minħabba li qed jitfakkar dan l-anniversarju iżda wkoll għax fl-istess okkażjoni, ser ikun qed jiġi inawgurat ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar fis-Sala Prinċipali u t-tkabbir u modernizzar li sar fis-sular ta’ isfel ta’ Palazz Bethsaida.

Fil-Kunċert Ċelebrattiv, il-Banda Sant’ Andrija ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Michael Pulis. Flimkien mal-Banda ser jieħu sehem ukoll it-tenur Alan Sciberras. Ser tkun qed tindaqq mużika mill-aktar impenjattiva ta’ kompożituri famużi bħal Verdi, Shostakovitch, Puccini, Tchaikovsky, Brahms, Fucik u Copland. Ser jindaqq ukoll xogħol tal-istess Surmast Direttur Michael Pulis u tal-ex Surmast tal-Banda Sant’ Andrija Paul Schembri.

Għalhekk kulħadd huwa mistieden sabiex imur u jgawdi din is-serata b’mużika pjaċevoli f’ambjent ta’ ċelebrazzjoni.

Dan il-kunċert jimmarka l-bidu ta’ ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Festa titulari ta’ Sant’ Andrija Appostlu li ser tkun iċċelebrata l-Ħadd, 2 ta’ Lulju b’diversi attivitajiet u wirjiet pirotekniċi li jilħqu l-qofol tagħhom il-Ħamis, 29 ta’ Ġunju, is-Sibt 1 u l-Ħadd, 2 ta’ Lulju.