Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal fil-parlament li minkejja rapporti tal-Ombudmsan, l-ERA ma ħaditx passi dwar l-abbużi tal-konkos u tad-deck chairs f’Kemmuna.
Robert Cutajar qal li sentejn ilu, f’isem l-Oppożizzjoni, kien ressaq abbozz dwar l-ambjent li ttama li l-gvern kien se jappoġġah u sostna li kien hemm sitt NGOs u anki l-ex Prim Ministru Laburista Alfred Sant li kienu sostnew li ma kinux jifhmu għaliex dan l-abbozz ma kienx qed ikun approvat u appoġġjat mill-gvern. Issa wara sentejn, il-gvern qed abbozz bi proposti identiċi għal dawk li kienet ressqet l-Oppożizzjoni.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li fl-abbozz tiegħu l-gvern qed jipproponi li tinħatar kummissjoni li trid tkun magħżula mill-ministru. Il-PN jemmen li għandu jingħata spazju lill-għaqdiet ambjentali f’din il-kummissjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-ERA għandha wkoll responsabbiltajiet.
L-ERA għandha fuq kollox iżżomm il-kredibbiltà tagħha, qal id-deputat Nazzjonalista, li kkritika lill-ERA għaliex m’għamlet xejn quddiem il-każ ta’ abbużi ambjentali f’Kemmuna anki meta kien hemm ir-rapport tal-Ombudsman li kien sab li nkisru regolamenti ambjentali bil-konkos fil-Blue Lagoon. Sal-lum, l-ERA għadha ma ħaditx passi dwar dan u għalhekk għandha tieħu passi biex ma tkunx paraventu għal xi ħadd.
Id-deputat Nazzjonalista qal li, minkejja dak li qal il-gvern dwar id-deck chairs f’Kemmuna, llum kull ma seħħ kien li dawn id-deck chairs issa tpoġġew fuq ix-xagħri f’żona Natura 2000 f’Kemmuna. Fil-każ tad-deck chairs u tal-konkos f’Kemmuna jidher li l-ERA għalqet ħalqha għax hemm persuni tal-qalba tal-gvern involuti.
L-ERA għandha l-obbligu li tara li ħadd ma jiżvijja l-parlament u jgħid li tneħħew 75% tad-deck chairs f’Kemmuna meta dawn tmexxew minn post għall-ieħor f’Kemmuna stess.
//= $special ?>