Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma laqgħetx it-talba li saritilha sabiex tirrikuża ruħha mill-ġbir ta’ evidenza kontra Josef Majri ta’ 26 sena minn Ħal Tarxien wara fuq talba li saret mid-difiża tiegħu. Dan wara li l-avukati ta’ Majri oġġezzjonaw bil-qawwa kollha għall-fatt li l-avukat tal-AĠ kien qal fil-Qorti li ċempel lill-Maġistrat.
Majri u tliet persuni oħra qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ fondi li ġabu mill-imħatri li lagħbu fuq avvenimenti sportivi. Aktar kmieni dan ix-xahar, Majri ġie akkużat ukoll li hedded u għajjar l-avukat tal-AĠ Andrea Zammit li qed imexxi l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ.
Zammit xehed fil-proċeduri dwar ħasil ta’ fondi kif kien ċempel lil Frendo Dimech wara li nzerta lil Majri f’ħanut tax-xorb fil-Belt Valletta. Zammit qal fil-Qorti li kien f’bar ma’ sieħbu meta nzerta lil Majri. L-avukat allega li Majri għamel mossa oxxena b’subajh lejh u dak il-ħin, ma għamel xejn dwarha sakemm jumejn wara, mar jagħmel rapport mal-Pulizija.
Dr Franco Debono, wieħed mill-avukat ta’ Majri qara r-rapport tal-Pulizija waqt is-seduta li fih intqal li Zammit ra lil Majri jagħmel il-mossa li jaf fisser li kien għarfu imma qatt ma ġie mhedded. Infatti, Zammit induna wara, li dan ir-raġel kien Majri.
Zammit qal li ċempel lil Maġistrat Frendo Dimech biex jinfurmaha b’dak li kien seħħ u għax kien “qed jibża’ għalih innifsu” u mhux biex jinfluwenza l-każ. Iżda l-avukati ta’ Majri talbu għar-rekuża tal-Maġistrat Frendo Dimech fid-dawl tax-xhieda ta’ Zammit u li kienu qed jistennew li l-Maġistrat tirrikuża ruħha waħedha u li għalhekk kienu qed jagħmlu din it-talba.
Il-Maġistrat saħqet li mhux hi kienet li ċemplet lil Zammit u li l-avukat kien ċemplilha. Hi sostniet li avżat lill-partijiet involuti bit-telefonata biex ma toħloqx problemi żejda fl-istadju avvanzat tal-każ.
Hi qalet li l-Qorti kienet ħadet il-miżuri neċessarji sabiex ma jkunx hemm aktar proċeduri u li Zammit qatt ma semma’ l-proċeduri kontra Majri quddiem il-Qorti. Għaldaqstant, hi qalet li fid-dawl ta’ dan kollu ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandha tirrikuża ruħha.
Il-Maġistrat semmiet li diġà kienet wissiet lil Majri għaliex ma kienx osserva l-curfew li imponiet il-Qorti u qalet lill-Prosekuzzjoni li kien ikun “abbużiv” kieku jitressqu l-akkużi kontra Majri fid-dawl li diġà kienet wissietu fuq każ ieħor.
Infatti, hi staqsiet għaliex Majri tressaq taħt arrest jekk il-mossa tal-akkużat kienet issemmiet u ħadd ma tkellem dwar theddid. Hi talbet lil Zammit jagħmel rikors jekk ħass li kien hemm bżonnu.
Meta Majri tressaq il-Qorti, l-Ispettur Robert Azzopardi kien qal lill-qorti li l-arrest ta’ Majri u l-irġiel l-oħra seħħ wara nformazzjoni kunfidenzjali li l-pulizija rċeviet. Il-pulizija kienet eżaminat l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ erba’ swali tal-logħob li kienu ta’ Izibet fin-Nofsinhar ta’ Malta.
It-talba tad-difiża fuq ir-rikuża tal-Maġistrat saret fuq it-telefonata li għamel l-Avukat tal-AĠ Andrea Zammit lill-Maġistrat Frendo Dimech fejn Dr. Franco Debono ikkontesta ħafna dan il-fatt fejn qal li dan ma jistax isir.
“Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li offrietli l-protezzjoni, qal l-Avukat Zammit waqt il-kontro-eżami tal-Avukat Franco Debono, li staqsih – “lill-Magistrat Donatella Frendo Dimech, inti kif infurmajtha”? .
Zammit wieġeb billi qal li kien infurmaha billi ċemplilha, it-Tnejn filgħaxija. Cempiltilha? Staqsa Debono, bir-risposta tkun fil-pożittiv. Inti taf li ma tistax tikkomunika ma Maġistrati? Staqsa Debono. Zammit qal li hu nfurmaha biss informalment.
L-avukat Franco Debono staqsa diversi drabi lix-xhud jekk jafx li ma jistax jikkomunika ma’ Maġistrati, bit-tweġiba dejjem tkun l-istess bħal dik preċedenti. Hawn l-Avukat Debono staqsa; u il-maġistrat x’qaltlek? Kompliet tkelmek il magistrat? Zammit qal li hi ħadet konjuzzjoni u qalet li l-għada kien se jkun hemm is-seduta u s tara x’passi se tieħu hi.
“Dan ifisser li l-Magistrat semgħatek?” Staqsa Debono li staqsa lil Zammit, “ma qaltlekx li ma tistax tkelmek hux hekk?” Zammit kien wieġeb l-istess, jiġifieri li l-maġistrat ħadet konjuzzjoni ta dak li nfurmaha hu.
“Minn liema numru ċempiltilha”? Minn numru tieghek personali, u fejn cempilt? Fuq liema numru cempilt? Fuq in-numru taghha? Fuq ic-cellulari taghhha? staqsa Debono. Zammit ikkonferma li kien fuq in-numru tal-mobile tagħha “Għandek il-mobile tal-maġistrat?” reġa’ staqsa Debono. U hawn Zammit wieġeb iva. “Emmini l-anqas niflah nkompli nagħmel il-kontra eżami” qal f’dan l-istadju l-Avukat Debono.
Debono hawn qal li saret telefonata bil-mobile ta’ Dr.Zammit għall-mobile tal-Maġistrat fuq każ li qiegħed pendenti quddiemha. Zammit tenna li mhux fuq il-kaħ, fuq dak li ġara. “Niddikjara illi jien għandi kull rispett lejn il maġistrat, u qed nagħmilha cara, pero l-Qorti tifhem li aħna għandna dover ukoll” qal l-Avukat Debono .
Għall-Avukat Ġenerali qed jidhru l-avukati Karl Muscat u Andrea Zammit. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal Majri. Il-każ se jkompli f’Settembru.
//= $special ?>