Lokali Parlament

Malta għandha tkun fuq quddiem fl-investiment fis-settur tal-baħħara

Ivan Castillo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo sostna fil-parlament li Malta għandha tkun fuq quddiem fl-investiment fis-settur tal-baħħara.

Fl-Aġġornament tal-parlament hu tkellem dwar il-Jum Dinji tal-Baħħara u sellem lill-baħħara kollha. Hu qal li kien fl-2010 li l-Konferenza Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Marittima Intenazzjonali approvat riżoluzzjoni, wara inizjattiva ta’ Malta, biex twaqqaf il-Jum Dinji tal-Baħħara.

Dan hu unur għal Malta, sostna Ivan Castillo, li kompla li l-baħħara jagħmlu ħidma bla waqfien u sagrifiċċji flimkien mal-familji tagħhom. Mill-inqas 80% tal-ġarr tal-merkanzija jiddependi mit-trasport marittimu fejn hemm riskji finanzjai kbar mis-sidien tal-bastimenti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-baħħara huma l-mutur ta’ din l-industrija u fakkar fil-perikli li dawn jgħaddu minnhom fix-xogħol tagħhom.

Hu sostna li Malta hi kburija bix-xogħol tal-baħħara u qal li fil-futur se jkun hemm diversi sfidi partikolarment minħabba l-isfidi teknoloġiċi li qed iseħħu. Fost dawn hemm l-intelliġenza artifiċjali. Għalhekk il-baħħara għandhom bżonn it-taħriġ meħtieġ.

Ivan Castillo kompla li l-IMO qed tindirizza dawn l-avvenimenti biex tassigura li kulħadd ikun preparat bit-taħriġ neċessarju. Hu tkellem dwar il-benefiċċji li toffri l-Bandiera Maltija u qal li Malta għandha opportunità tad-deheb bir-reviżjoni tal-att rilevanti biex Malta tibqa’ kompetittiva.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li Malta għandha tagħti l-kontribut fid-diversi faċilitajiet fl-edukazzjoni marittima.