Lokali Qorti

Mixli li kisser ħġieġa ta’ xarabank u pprova jattakka xufier wara li dam tliet sigħat jistenna

Raġel frustrat minn stennija ta’ tliet sigħat għal xarabank inżamm taħt arrest preventiv wara li nhar it-Tlieta kisser ħġieġa u pprova jattakka xufier tal-linja fil-Valletta Bus Terminus. Andre Calleja ta’ 29 sena minn Bormla tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Elaine Rizzo l-Erbgħa, akkużat li hedded żewġ uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, li rreżistihom b’mod vjolenti u li kkaġunalhom ġrieħi ħfief.

Calleja ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq panel tal-ħġieġ li jifforma parti minn bus shelter, li ma obdiex ordnijiet leġittimi ta’ impjegat pubbliku, li attakka lill-uffiċjali u kiser il-paċi pubblika. Fil-Qorti ngħad li meta l-karozza tal-linja li kien ilu jistenna waslet tliet sigħat tard, Calleja kien ipprova jattakka lix-xufier, u fil-proċess kisser ħġieġa.

Fuq il-post ma damux ma waslu uffiċjali tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li ġew attakkati wkoll mill-imputat. Calleja wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit, li rrappreżenta lill-imputat, għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.

It-talba kienet oġġezzjonata mill-Ispettur Daryl Borg, li qed jipprosekuxxi flimkien mal-ispettur Gabriel Micallef, fuq il-bażi li xhieda pajżana, nkluż ix-xufier ta’ karozza tal-linja li kien se jiġi aggredit mill-imputat, għad iridu jixhdu.

“Ninsab infurmat li qatta’ tliet sigħat fix-xemx jistenna karozza tal-linja, u meta lmenta dwarha, spiċċa f’argument mad-dispatchers,” qal Zammit fil-Qorti. Il-problemi tal-imputat kellhom l-għeruq tagħhom ma’ mard mentali, li għalih bħalissa kien qed jiġi kkurat, sostna l-prokuratur legali. “Kien hemm nuqqasijiet min-naħa taż-żewġ partijiet, li spiċċaw bis-sejħa tal-pulizija,” huwa qal. Il-Maġistrat Rizzo ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja tar-raġel u żammewh arrestat.