Internazzjonali

Raġel b’ċittadinanza Maltija fost dawk maqbuda fis-sottomarin li ntilef; jinstemgħu ħsejjes ta’ tisbit

Numru ta’ skwadri speċjalizzati qed jiġġieldu kontra l-ħin biex isibu sottomarin żgħir li fih kien hemm turisti li riedu jinżlu fil-fond tal-Oċean Atlantiku biex jaraw is-sit fejn kien għereq il-famuż bastiment Titanic. Dan hekk kif l-istess turisti u l-membri tal-ekwipaġġ jista’ fadlilhom ossiġnu għal ftit sigħat biss.

Dawk li għaddejin bit-tfittxija semgħu xi ħsejjes ta’ taħbit li nqabdu minn apparat għal tal-apposta. Dawn inqabdu l-bieraħ kull nofs siegħa u baqgħu jinstemgħu għal mill-inqas erba’ sigħat wara li bdew. Dan ta tama li l-persuni fis-sottomarin possibilment għadhom ħajjin u qed jistennew li jiġu salvati.

Abbord is-sottomarin hemm ħames persuni, b’wieħed minnhom huwa biljunarju ta’ 48 sena, Shahzada Dawood li kien xtara passaporti Malti lura fl-2016. Miegħu hemm ukoll ibnu ta’ 19-il sena. Fl-istess sottomarin hemm ukoll biljunarju Ingliż, eks-bugħaddas tan-Navy, u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija OceanGate.

Is-sottomarin – bl-isem Titan – li spiċċa mitluf hu propretà tal-kumpanija OceanGate li toffri servizzi għall-esplorazzjoni tal-oċean.

Il-kuntatt mas-sottomarin intilef kważi sagħtejn wara li niżel fis-sit tal-għarqa tat-Titanic ‘lil hinn mill-kosta ta’ Newfoundland.

It-traġedja tat-Titanic ilha tissemma għal aktar minn 100 sena wara li dan il-bastiment kien għereq waqt l-ewwel vjaġġ minn Southampton, fl-Ingilterra, lejn il-belt ta’ New York fl-Istati Uniti.