Lokali Parlament

Sitwazzjoni urġenti fl-ambjent li għandha tkun indirizzata

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista sostna fil-parlament li bħalissa fil-pajjiż hawn sitwazzjoni urġenti fl-ambjent li għandha tkun indirizzata għaliex il-pajsaġġ Malti qed jinbidel tant li m’għadux jingħaraf.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-poplu qed iħoss li jipproteġu l-wirt nazzjonali fil-kuntest ambjentali u sostna li l-ERA għadha tidher entità li dejjem qed titwieled biex tlaħħaq mal-Awtorità tal-Ippjanar jew awtoritajiet oħrajn. Hu sostna li l-ERA għandha tkun mgħotija saħħa ferm ikbar mill-Istat innifsu biex l-ambjent u l-pajsaġġ sħiħ ikun protett.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandha tiddaħħal il-Konvenzjoni għall-Pajsaġġ u għaliex l-ambjent sħiħ qed jintilef. Din il-konvenzjoni titfa’ r-responsabbiltà fuq l-Istat biex jipproteġu l-ambjent u tagħti għodda liċ-ċittadini biex jieħdu azzjoni.

Dan għandu jsir fil-kuntest tal-protesti li qed jagħmel il-poplu quddiem id-diversi proġetti li qed isiru. Hawn ukoll forma ta’ rassenjazzjoni anki politika quddiem dan il-bini li tiela’ fil-pajjiż. Dan il-bini qed ibiddel kompletament il-pajsaġġ Malti li jimmerita attenzjoni flimkien ma’ għodda f’idejn iċ-ċittadini biex dawn jiddefendu ruħhom.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-ERA għandu jkollha s-saħħa li twaqqaf dawn il-proġetti u kompla li fil-Paola Hub inbniet struttura imponenti tant li r-residenti qed iħossu li saret invażjoni fiż-żona tagħhom fi poġett li seta’ sar differenti.