Team Malta rnexxilu jżomm ir-raba’ pożizzjoni fil-Kampjonat Ewropej tat-Timijiet tal-Atletika li għaddej bħalissa fil-Polonja. Filwaqt li l-Irlanda, l-Awstrija u l-Israel jidhru li huma b’saħħithom wisq għal bqija u se jiksbu l-promozzjoni mit-tielet diviżjoni, Malta għadha fuq quddiem tal-bqija tal-pajjiżi, u żammet warajha pajjiżi akbar b’esperjenza u storja ta’ sport ikbar fuq skala internazzjonali.
L-akbar ammont ta’ punti fit-tieni ġurnata kisibtu Gina Mcnamara, bi prestazzjoni b’saħħitha fejn temmet it-tieni post fit-800m. Mcnamara, li rebħet tliet midalji tad-deheb fl-aħħar edizzjoni tal-GSSE2023, ġriet personal best ta’ 2:04.41, fejn temmet wara Louise Shanahan tal-Irlanda (2:03.39) u quddiem l-Awstrijaka Caroline Bredlinger (2:04.78). Jordan Gusman (3:46.49) ġab ukoll punti għal Malta bil-ħames post fl-1500 metru.
Wara s-suċċess doppju fil-GSSE, it-timijiet tar-relay tal-4x100m reġgħu taw sodisfazzjon lill-pajjiż. F’kundizzjonijiet ta xita, it-tim tal-irġiel, iffurmat minn Luke Bezzina, Omar El Aida Chaffey, Beppe Grillo u Graham Pellegrini daħlu t-tielet (41.11s) wara l-Irlanda u Israel filwaqt li n-nisa, b’Claire Azzopardi, Alessia Cristina, Janet Richard u Charlotte Wingfield, irreġistraw ħin ta’ 45.87s u għalqu fir-raba’ post.
Daniel Saliba temm fil-ħames post fil-110mh hurdles b’ħin ta’ 15.32s.
Anke fid-dixxiplini ta’ qbiż u tfigħ il-Maltin kisbu għadd ta’ punti kruċjali għall-klassifika ġenerali. Fil-pole vault, Sana Grillo qabżet 3.60m biex ittemm ir-raba’ post filwaqt li Rebecca Sare’ qabżet 12.42m fit-triple jump għall-ħames post. Luca Martini temm fis-sitt post fil-hammer throw (53.28m) u Jeremy Zammit fis-seba’ post fil-long jump b’7.18m.
Maltin oħra li ħadu sehem fit-tieni jum kienu jinkludu lil Rosalie Cauchi fil-400mh nisa b’ħin ta’ 1:13.72, Steve Camilleri (57.43s fil-400mh irġiel) u Alessia Cristina fil-100mh nisa’ b’ħin ta’ 18.41s.
Fl-aħħar tat-tieni ġurnata minn tlieta tal-Kampjonati, Malta għandha total ta’ 247.50 punt fir-raba’ post, disa’ quddiem l-eqreb rivali, il-Bożnja, kif ukoll in-nazzjonijiet kollha tal-GSSE li jinsabu f’din id-diviżjoni kif ukoll nazzjonijiet oħra bħall-Ażerbajġan, Montenegro u l-Ġorġja.
//= $special ?>