“Tilef il-kontroll totalment u qed nibża’”. Dan kien messaġġ mibgħut minn Bernice Cassar lill-kuġina tagħha lejliet li nqatlet allegatament minn żewġha. Minkejja dak li għaddiet minnu l-vittma kienet tgħid li titħassar lil żewġha u meta daħal l-isptar b’kundizzjoni, Bernice qalet – “I feel guilty.”
Petra Jones qalet fil-qorti kif il-vittma li mwerwra minn Roderick Cassar fejn fl-aħħar jiem qabel ma spiċċat maqtula dan kien qed jipprova jċemplilha diversi drabi u meta hi mblukkatu minn fuq il-mobile tagħha, beda jibgħatila l-emails fuq tax-xogħol u jċemplilha fuq t-telefon ta’ fejn kienet taħdem.
F’Novembru, x-xahar li fih inqatlet, hi kienet irrealizzat li mhux se teħlisha minn taħt idejh u li kienet temmen li se joqtolha. Jones kienet qed tixhed meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba li jinsab mixli li wettaq femiċidju fil-konfront ta’ martu Bernice Cassar ta’ 40 sena.
Cassar qed jiġi mixli bi 15-il akkuża fosthom li meta seħħ il-femiċidju nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru għall-ħabta tat-8am huwa żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha f’Raħal Ġdid fejn seħħ ir-reat, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess.
Jones xehdet fit-tul u wieġbet għal diversi mistoqsijiet li sar mill-Avukat tal-AĠ Angelle Vella, dak li ddeskriviet bħala l-martirju li l-vittma għaddiet minnu u li ftit qabel ma nqatlet sabet madwar 30 “missed calls” mingħandu iżda hu ma kienx jaqta’ qalbu u b’kull mezz li seta’ kien jagħmel minn kollox biex ikollu kuntatt magħha.
Jones qalet li hi taf lil Roderick Cassar fejn għarfitu fl-awla 25 tal-Qorti. Hi qalet li meta kienet għadha żgħira kienet viċin ħafna ta’ Bernice Cassar iżda meta żżewwġet lill-akkużat inqatgħu xi ftit. Kienu jiltaqgħu biss ftit biss f’okkażjonijiet tal-familja. F’Mejju tas-sena l-oħra hi skopriet li kellha xi problemi u li ma kinitx baqgħet tgħix id-dar b’mod komplet u li kienet tmur għand zijitha u ommha.
Ix-xhud qalet li għamlet kuntatt magħha biex jiltaqgħu u l-vittma qaltilha li ma kellhiex moħħ. Hi qalet li iżda ftit taż-żmien wara ltaqgħet magħha u bdiet tibki. Kienet qaltilha wkoll dak li kienet qed tgħaddi minnu kuljum.
Jones qalet li t-tfal tagħha u ta’ kuġintha huma prattikament tal-istess età u bdew kommunikazzjoni regolari bejniethom. Hi tenniet li qabel dan kollu ma kienet taf xejn x’kien qed jiġri bejn il-koppja Cassar.
Qalet ukoll li Bernice qaltilha li kienet għaddejja minn relazzjoni vjolenti u li kienet fi proċess ta’ separazzjoni li ma kienx proċess normali għax dan kienet qed iseħħ minħabba l-vjolenza. Tenniet li kien hemm okkażjoni fejn il-vittma qaltilha li l-akkużat kien anke heddidha b’sikkina quddiem it-tfal.
Ix-xhud qalet li dan ġara fit-8 ta’ Mejju fejn wara dan l-episodju spiċċat prattikament ta’ fuqha senduqha. Ried li f’Jum l-Omm tmur Għawdex u għax ma riditx tmur ħareġ is-sikkina għaliha. Qalet li kuġintha tant beżgħet li għamlet pipi taħtha; xi ħaġa verament umiljanti. Wara kienet marret tieħu shower u Roderick qalilha – “ara x’għamilt b’idejk.”
Jones qalet li Bernice kienet telqet mid-dar matrimonjali tagħha fil-Qrendi u marret tgħix ma zijitha u wara ma’ ommha għax ma felħitx aktar. Qalet li kienet marret id-dar għall-uniformi tat-tfal iżda Roderick kienet insista li t-tifla tibqa’ miegħu, bit-tifel jibqa’ magħha.
Ix-xhud qalet li fil-31 Mejju, Bernice kienet marret għat-tifel fejn l-iskola u hemm kien hemm Roderick li ħadilha l-mobile. Mhux għall-ewwel darba hu ma ġabx quddiem għajnejh li kien qed iwerwer lit-tfal. L-għada jew l-ġurnata ta’ wara kien qalilha li t-tfal la inti u lanqas jien mhux se ngawduhom. “Ħadet stand – ma nistax immur lura. It-tfal qed jikbru u ma hemmx indiema minn naħa ta’ Roderick” kienet qaltilha kuġintaha.
Ipprovat tiġġieled il-manipulazzjoni minn Roderick lejha. Riedet tnaqqas il-kommunikazzjoni miegħu, telefonati twal u ma jaqtgħu xejn u dan biex tmur lura d-dar. Bdiet tibża li jagħmlilha azzjoni fuq il-karozza fejn il-post tax-xogħol, imma kienet tgħidilha li kienet titħassru, anke jekk din mhux reċiproka. “Kien jistmani agħar milli kellu xi pet“. Dejjem jgħidilha li mhija tajba għal xejn, li tagħmel hi kollox ħażin u dak kollu li jiġri hu tort tagħha.
Ix-xhud qalet li fil-bidu ta’ Lulju, Roderick daħal l-isptar għax kellu xi problemi b’qalbu. “I feel gulity allavolja m’għandi x’naqsam xejn ma li ġralu”. Kienet tgħid lit-tifel tagħha biex iċċempillu meta kien l-isptar, u meta għamel hekk ħatfu u qallu ċċempel xejn u li qed iċempel biex tkun taf il-mummy. Wara kien ċempel lilha fuq hekk.
Ix-xhud qalet li l-akkużat lanqas ma kien iħalli t-tfal jieħdu l-ġugarelli għand in-nanna u li Bernice kienet qed tbati finanzjarjament għax kollox kien f’idejha. Kienet b’paga waħda u l-manteniment ma kienx jidħol. Tenniet li dak iż-żmien Roderieck riedha li tieħu l-isptar it-tfal biex jarawh, anke jekk ma kienx lok. B’xi mod kienet tabet mezz u teħodomlu fil-parking area, kienet tmur ma missierha jew xi ħadd, u kienet tgħidilha li xorta tħossha manipulata minnu minkejja li kien l-isptar.
Darba riedha tieħu lit-tifel bilfors u qaltlu li rranġat u li kienet se tieħdu z-zija. Hu ma riedx u emfasiżża li tmur hi. F’okkażjoni oħra ċempel biex tixtrilu xi mediċini li ma jagħtuhomx l-isptar. Fettlilha tmur waħdiha u beda jiġġieled magħha biex terġa teħodhom l-għada u għamel subajh ma għonqa. Ix-xhud qalet li Bernice kienet tgħidilha li Roderick huwa verament b’saħħtu u kienet tagħmel enfasi fuq dan.
Ma riedx jiffirma għall-iskola tat-tifla
Dwar l-episodu tal-isptar, Jones qalet li tiftakar li kien faqalha l-bieba tal-karozza, u kienet għamlet rapport u inħarġitilha protection order. Wara ħasset li kellha ftit aktar security. F’okkażjoni minnhom, ix-xhud qalet kif Berncie qaltilha li kien ħadilha tifel tard filgħaxija u li Roderick qabdilha sidiriha quddiemu. Dan l-inċident kien seħħ f’Awwissu.
Jones semmiet ukoll episodju meta it-tifla kienet telgħet bil-polza biex tmur l-iskola tal-knisja u Roderick ma riedx jiffirmalha u Bernice kompliet timtela’ bl-ansjetà. Hi qalet li darba minnhom hi (x-xhud) marret mat-tfal Għal Lapsi, u Bernice ma kienix magħha, fejn marru sal-baħar. Roderick kien qalilha “ħadthom il-baħar hux; se nispiċċa ntajjarlek rasek quddiem missierek.”
Ix-xhud kompliet tgħid li għadda Awwissu u qiesu l-affarijiet kkalmaw xi ftit. F’Settembru it-tifel beda’ jmur il-mużew u hi kienet magħhom flimkienm ma’ Bernice.
L-akkużat beda jċempel lil tifel u qallu biex jixgħel il-camera tal-mobile biex ikellem lil Bernice. Bernice kienet ta’ spiss tgħidilha li mhux se jirnexxielha trabbi t-tfal u kienet jtinkwieta bil-lingwaġġ li kien juża’ żewġha.
Jones qalet li t-tifla kienet tibki kull darba li tara lil missierha viċin ommha, u kienet taqbad twerżaq anke jekk ma jagħmel xejn. Jones qalet li l-aċċess li kellu Roderick għat-tfal mhux dejjem kien jagħmel użu minnu, Bernice ma setgħetx tagħmel pjanijiet fil-weekend minħabba fih.
Il-vittma kienet tgħidilha li Roderick kien juża tattika ta’ manipulazzjoni u li minħabba f’hekk ma setgġħetx tiċċaqlaq. Kien jgħidilha biex ma ddaħħal lil ħadd fil-karozza. Darba kienet ċaqalqet il-karozza biex tmur gġand it-terapista u għamel storja. Anke ħadet lit-tfal għall-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun u kien igorr magħha.
Darba oħra, quddiem tifla ta’ ħames snin, kien għajjarha bi kliem vulgari u qalilha li hi kattiva. It-tifla kienet tmur tgħid b’dan kollu lill-għalliema tagħha. Dan kollu seħħ f’Ottubru. Novembru huwa x-xahar meta hi bdiet tirrealiżża li “she’s not going to get away with it (mhux se teħlisha), xorta se joqtolni, kienet qaltilha.
Mis-7 ta’ Novembru, l-affarijiet bdew jeskalaw wara li kiser l-Ordni ta’ Protezzjoni. Fil-11 ta’ Novembru Bernice marret il-Floriana biex tagħti l-vaċċin lit-tfal u Roderick kien hemm fejn għamel xenata u beda jdur mal-karozza tagħha u marru l-pulizija għax xi ħadd kien ċemplilhom fuq ix-xenata li kien għamel. Filgħaxija kienet marret id-Depot tagħmel rapport u l-avukat tagħha qaltilha biex tgħid lill-pulizija għall-protezzjoni; finalment ġara dak li ġara.
Minkejja kollox kienet tħobb lil Roderick
Xhud ieħor kienet Julien Attard, il-psikoterapista ta’ Bernice Cassar. Hi qalet li din kienet bdiet tara fit-22 ta’ Mejju tas-sena l-oħra u għamlet magħha 15-il sessjoni tas-siegħa l-waħda. Qalet li kellha sintomi ta’ trawma u li ma kinitx qed tiekol u torqod u kienet imbeżża’. Kienet viżibilment titriegħed meta kienet tmur għandha. Il-biża’ kienet ġejja minħabba żewġha u li qaltilha li kellha titlaq mid-dar u li kienet ukoll tagħmel taħtha bil-biża’.
Attard qalet li Berncie qaltilha li Roderick kien iċemplilha biex jara fejn qegħda, li kenet mhedda u tinkwieta għat-tfal li kienu mbeżżgħin minn missierhom.
L-akkużat kien ta’ spiss jgħjjarha u jkisser l-affaijiet. Darba quddiemhom ħadilha ċ-ċwievet u ħadilha l-karozza u tfal twerru. It-tfal kienu jgħidulha biex ma toħroġx “għax il-papa jagħmillek xi ħaġa” dan għax jibżgħu speċjalment meta kien ħareġ sikkina għaliha.
Ix-xhud qalet li anke waqt is-sessionijiet li kienu jsiru ġieli kien jiċċekkja fejn qegħda, Bdiet titlef ħafna mill-piż. Qaltilha li waħda mir-raġunijiet li telqet mid-dar kienet li għamiliha sikkina m’għonqa u darba waddbilha l-platti.
Fis-sessions dejjem kienet tidher imbeżża’ u wiċċha kien jiksaħ, leħinha jitbaxxa; ma tantx kienet tibki imma kienet tidher terroriżata, Anke biex tmur sal-pjazza ma oħta għal kafe, kienet tibża li jara r-raġel u jirrabja magħha u ma’ tal-famijja.
Fil-5 November kienet l-aħħar session tagħha fejn deheret li kienet qed tagħmel progress. Kienet tgħidilha wkoll li minkejja kollox kienet tħobbu ħafna lir-raġel u kien jiddispjaċiha ħafna għalih. Fl-aħħar tliet sessions issaħħlet, iżda kienet tgħidilha li ma jistax ikun ma tistax toħroġ mid-dar.
L-ewwel xhud kien Johan Borg li kien għamel stima tal-ħsara tal-karozza tal-vittma fil-bieba tax-xellug. Sadanittant l-Ispettur Shaun Pawney ippreżenta żewġ ċertifiakti lill-Qorti, wieħed taż-żwieġ tal-vittma u l-akkużat u l-ieħor tal-mewt. Il-kumpilazzjoni tkompli fl-4 ta’ Lulju fil-11am.
L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għal Roderick Cassar, l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma bħala parte civile. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija.
//= $special ?>