Lokali

Tittella’ it-tielet edizzjoni tal-malta international wine festival

Fil-ġnien pittoresk tal-Argotti qed tittella’ t-tielet edizzjoni tal-Malta International  Wine Festival – okkażjoni li fiha mhux biss jitwassal prodott ta’ kwalitá, iżda hemm ukoll is-sehem ta’ esperti f’dan il-qasam jedukaw in-nies dwar il-kultura tal-inbid.

Jonathan Pace spjegalna li dan il-festival mhux qed jinkludi biss xorb tal-inbid; iżda ser tiġi iċċelebrata wkoll l-arti tal-produzzjoni tal-inbejjed. Dan hekk kif sommelier Malti flimkien ma’ ħames sommeliers minn madwar id-dinja ser ikunu qegħdin jedukaw lill-viżitaturi dwar il-varjetajiet tal-għeneb u t-tekniċi tal-produzzjoni tal-inbid.

Esperti fl-industrija li ser ikunu preżenti għal dan l-avveniment ser jagħtu għarfien ukoll dwar it-togħma u l-istorja tal-inbid.

Apparti dan, wieħed ser ikun jista’ jgawdi mużika live minn bands lokali u wirjiet ta’ żfin li ser joħolqu l-isfond perfett għall-viżitaturi li jattendu għal dan l-avveniment perfett fil-bidu tal-istaġun tas-Sajf.

Il-festival jinkludi wkoll produtturi tal-inbid minn Malta u madwar id-dinja, li qed jipprovdu lill-viżitaturi b’opportunità li jiksbu apprezzament aktar profond għall-kultura tal-inbid.

L-attivitá tibda fis-sitta ta’ filgħaxija u tibqa sejra sal-Ħadd li ġej, f’nofs il-lejl.