Lokali Qorti

Tliet snin ħabs wara li hedded lil martu b’ħajjitha

Raġel ta’ 49 sena residenti Birkirkara ġie kundannat tliet snin ħabs u mmultat €7,000 mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li nstab ħati li kien jhedded lil martu b’ħajjitha fejn hi kienet spiċċat torqod bilqiegħda għax tibża’ li se jifgaha b’imħadda.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex tiġi protetta l-identità ta’ martu, kien ġie mixli mill-Ispettur Andrew Agius li fit-8 ta’ Frar 2020 akkużat li għall-ħabta tat-8am. ipprova jikkaġuna ġrieħi gravi fuq martu u li kkaġunalha ġrieħi ħfief. Huwa kien mixli wkoll li fl-istess jum, u fil-jiem ta’ qabel, taha fastidju; beżżagħha, heddidha bil-mewt, kiser ordni ta’ protezzjoni u kiser il-libertà proviżorja.

L-inċident seħħ f’remissa viċin id-dar tal-koppja fejn ir-raġel għandu xi żwiemel u l-mara kienet tmur tagħtih daqqa t’id. Il-vittma qalet li waqt argument bejniethom ir-raġel imbuttaha, heddidha li se joqtolha u pprova jaħtafha imma ħarbet u marret tagħmel rapport l-għassa tal-Pulizija.

Qalet li wara li ħareġ mill-ħabs kien imur wara l-bieb jitlobha bil-ħniena biex tħallih jidħol biex tatu ċans. Madankollu darba fost oħrajn żebgħet xagħrha u għax m’għoġbux sar aggressiv, beda jagħti bil-ponn mal-ħajt u jidgħi.

F’dan il-perjodu qalet il-mara kien jiġġieled magħha, ma jkellimhiex, ma jiekolx u kemm il-darba ma ħalliex lilha tiekol. Beda jerġa’ jkun aggressiv, jimbuttaha t-taraġ tad-dar u anke heddidha li kien se jqabbad lil xi ħadd biex joqtolha.

Il-mara qalet fil-qorti jum qabel l-inċident kienet qed tara programm televiżiv fuq il-vjolenza domestika u qalilha biex ma tarahx għax jimlewlha moħħha. Il-qorti qalet li dwar dak li seħħ fil-jum tal-inċident ma ġiex ippruvat li weġġagħha anke jekk il-mara setgħet beżgħet li se jweġġagħha.

Ingħad li mix-xiehda tal-mara jirriżulta li taha fastidju, fosthom għax kien imur wara l-bieb tad-dar jitlobha ddaħħlu lura u kien jinsulentaha u joffendiha meta jkun irrabjat magħha. Il-Maġistrat Caruana saħaq ukoll li r-raġel kiser ukoll ordni ta’ protezzjoni darbtejn u anke l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Meta ġie biex jagħti l-l-piena, l-Maġistrat qies li l-akkużat ingħata diversi opportunitajiet biex jirriforma ruħu u bbenefika minn sentenzi sospiżi u libertà kundizzjonata. Il-qorti qalet li l-akkużat jidher li ma tgħallem xejn mid-diversi opportunitajiet li ngħata sabiex jindirizza l-problemi li jista’ jkollu u b’hekk il-piena mogħtija għandha tkun waħda karċerarja effettiva u ta’ multa u li tirrifletti l-gravità tal-azzjonijiet tiegħu u tal-biżà li kkaġuna lill-parte ċivile.

Minbarra l-piena ta’ tliet snin ħabs u l-multa ta’ €7,000 il-Maġistrat ordna li depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000 garanzija jgħaddu għand il-Gvern waqt li ħareġ ordni ta’ trażżin għal sentejn biex jipproteġi lill-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius.