Lokali Qorti

25 xahar ħabs u multa ta’ €2,500 għax ħarab mill-Qorti kif kien se jitressaq

Taljan ta’ 26 sena, residenti l-Imġarr, li kien żgiċċa minn taħt għajnejn l-uffiċjali tal-Pulizija waqt li kien qed jistenna barra l-awla fil-Qorti fejn kien se jitressaq akkużat b’numru ta’ serqiet fl-Imġarr u l-Mosta matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru tas-sena l-oħra ġie kundannat 25 xahar priġunerija u mmultat €2,500.

Giuseppe Condello Borg instab ħati mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, wara li l-aħħar darba li kien deher dak inhar kien fil-kuritur barra l-awla tal-Maġistrat Noel Bartolo waqt li kien suppost qed jistenna biex jitressaq quddiemu.

Dak inhar meta s-seduta kienet se tibda, l-Ispettur Godwin Scerri ħareġ barra l-awla biex isejjaħ lill-akkużat u rritorna jinforma lill-Maġistrat li l-uffiċjali kienu għadhom kif infurmawh li Borg kien żgiċċalhom.
Il-Maġistrat kien infurmahom li l-kawża ma setgħetx issir mingħajr l-akkużat fejn il-Maġistrat Noel Bartolo informa lill-prosekuzzjoni u lill-avukat difensur, Jacob Magri, li l-akkużi jridu jitneħħew mir-reġistru tal-Qorti u li t-Taljan irid jerġa’ jitressaq meta jerġa’ jinstab.

Intant, ftit tas-sigħat wara, l-allegat ħalliel kien reġa’ nstab mill-Pulizija u tressaq il-Qorti b’akkuża miżjuda li ħarab minn taħt idejn il-kustodja tal-Pulizija. Minbarra ħabs u multa l-Qorti kkundannatu għall-ħlas tal-ispejjeż tal-periti tal- qorti u18 il-xahar skwalifika mil-liċenzja tas sewqan li jibda jiskonta wara li johrog mil- habs.L-Avukat Mario Mifsud deher għal Borg.