Sport Sport Ieħor

Boċċi: Jintemm l-ewwel round fit-Tieni Diviżjoni

(Santa Margerita Boċċi Klabb Bormla)

Hekk kif ġie fi tmiemu l-ewwel round, Sta. Margerita Boċċi Klabb Bormla baqgħu jokkupaw l-ewwel post fit-Tieni Diviżjoni meta barra minn darhom għelbu lil Santa Lucia 21-2, b’dawn tal-aħħar jibqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika bla ebda punt. Il-Bormliżi minn ħdax-il konfront rebħu għaxra u tilfu waħda biss.

Luqa kisbu rebħa importanti barra minn darhom kontra Cospicua Rangers biex baqgħu weħidhom fit-tieni post, punt biss taħt il-leaders Sta. Margerita Boċċi Klabb Bormla.

F’logħba drammatika li ħadet ‘il fuq minn erba’ sigħat, Żejtun ħarġu rebbieħa 21-8 b’din tkun is-seba’ rebħa tal-istaġun għaż-Żwieten li żammitilhom ħajjin it-tamiet li jiżguraw minn post fil-play-offs għall-promozzjoni.

Thallasalejn ukoll kisbu rebħa tajba barra minn darhom meta għelbu lil Floriana 21-17, biex bħal Żejtun kisbu s-seba’ rebħa u flimkien magħhom qed jaqsmu t-tielet post tal-klassifika.

Kalkara kisbu rebħa importanti kontra t-tim ta’ Tarxien bl-iskor ta’ 21-14 biex issa jinsabu bl-istess ammont ta’ punti daqt Fgura, fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni.

Mosta kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun meta f’darhom għelbu lil Fgura 21-11.

Taqtiegħa interessanti għal post fil-play-offs fit-Tielet Diviżjoni

Mit-Tielet Diviżjoni, Santa Venera aċċertaw posthom minn post fil-play-offs tliet logħbiet qabel tmiem il-kampjonat meta għelbu lil Marsaskala 21-13.

Isla kisbu rebħa ta’ 21-18 barra minn darhom kontra San Ġwann, b’dawn tal-aħħar jibqgħu ifittxu l-punt li jonqoshom biex jiksbu post fil-play-offs. B’din ir-rebħa, Isla minn naħa tagħhom żammew it-tamiet ħajjin tal-play-offs meta jinsabu bl-istess ammont ta’ punti daqs Qormi San Ġorġ u Qrendi.

Pietà mingħajr tbatija għelbu lil ġirien Ħamrun 21-4 biż-żgħażagħ tagħom ikomplu bil-prestazzjonijiet mill-aqwa biex issa huma wkoll jinsabu viċin post mal-ewwel erba’ għar-rebħ tal-promozzjoni.

F’konfront dirett ieħor Qormi San Ġorġ għelbu lil Qrendi 21-6 biex issa nistennew aktar konfronti diretti li se jkunu qed jiddeterminaw min se jkunu l-ewwel erba’.