Sport Sport Ieħor

Graeme Souness b’għawma fil-Fliegu Ingliż biex jiġbor flus għal dawk li jbatu minn marda rari ħafna

L-eks plejer u manager ta’ Liverpool Graeme Souness kien parti minn tim ta’ relay f’għawma ta’ 21 mil bl-għan li jinġabru £1.1 miljun b’risq dawk li jbatu minn epidermolysis bullosa, kundizzjoni rari fil-ġilda.

Qabel l-għawma, l-eks captain ta’ Liverpool u Skozzja qal li kien determinat li jagħmel din l-isfida wara li ltaqa’ ma’ Isla Grist, tfajla ta’ 14-il sena li tbati minn din il-kundizzjoni li tikkawżalha qsim fil-ġilda, b’Souness jgħid li jħossu emozzjonat kull darba li jiltaqa’ magħha.

Souness irringrazzja lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom u qal li issa, li n-nies jafu b’din il-marda rari, jittama li l-fondazzjoni DEBRA tibqa’ tirċievi d-donazzjonijiet.

Madwar 5,000 ruħ fir-Renju Unit ibatu minn din il-kundizzjoni ġenetika.

L-eks manager ta’ Manchester United Sir Alex Ferguson preżenta donazzjoni ta’ £20,000 għal din il-kawża.