Sport Sport Ieħor

Il-KOI tirtira r-rikonoxximent tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Boxing

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali immexxi minn Thomas Bach m’għadux jirrikonoxxi lill-IBA li hija l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Boxing li hija l-awtorità intiża biex tirregola l-boxing dinji fuq skala internazzjonali.

Waqt laqgħa straordinarja tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali kien hemm fuq l-Agenda rakkomandazzjoni biex tirtira r-rikonoxximent tal-IBA. B’69 vot kontra wieħed, ir-rikonioxximent m’għadux validu wara li kien hemm nuqqas li jitlestew ir-riformi dwar il-governanza, il-finanzi u kwistjonijiet ta’ etika.

L-IBA kienet ipppruvat tappella l-ewwel deċiżjoni fil-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport, liema appell ma ġiex aċċettat.

Fl-2019, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali kien issospenda lil Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Boxing, tant li t-tmexxija tal-boxing fl-Olimpijadi ta’ Tokjo 2020 kienet f’idejn il-KOI.

L-istess mistenni jseħħ fl-2024 għall-Olimpijadi ta’ Pariġi fejn il-boxing kien tpoġġa fil-programm uffiċjali ta’ logħob. Wara dawn il-problemi fl-IBA , nibtet assoċjazzjoni oħra bl-isem ta’ World Boxing li qed tħaddan ukoll sħubija minn bosta pajjiżi u mhux eskluż li fil-futur immedjat tieħu post l-IBA.