Impenn għall-Ħarsien tal-Annimali Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jaħdem favur id-drittijiet tal-annimali u l-ħarsien tagħhom

Kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li ħassejna il-ħtieġa li jingħata rikonoxximent lil eluf ta’ Maltin u Ghawdxin li minn dejjem kellhom għal qalbhom li jgħinu lill-annimali u għalhekk, beda l-ewwel għajnuniet – finanzjarji u bir-riżorsi umani – fis-santwarji li jagħtu kenn lill-annimali.

Kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li ħass il-ħtieġa li jinbena Ċentru San Franġisk bħala l-ewwel klinika li tagħti l-attenzjoni u l-kura medika lill-annimali abbandunati. Beda wkoll skemi konsistenti ta’ neutering għall-qtates u għall-klieb, filwaqt li ħoloq liġi li tinforza l-użu tal-microchipping għall-klieb kollha.

Dan sostnietu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Janice Chetcuti fi stqarrija.

Issa, fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista kompla l-impennn tiegħu favur l-annimali b’emenda fl-Avviż legali 98/2023 fejn, għall-kuntrarju tal-Gvern ta’ Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista ma jiddistingwix bejn kelb u iehor.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li kull kelb, irrelevanti fejn jgħix, għandu d-dritt bażiku għal spazju adekwat fejn jgħix, mingħajr ma tagħmel differenza jekk jgħix għand individwu, f’santwarju, f’boarding kennel jew f’pet shop.

Dan l-Avviż Legali qed joħloq diskriminazzjoni, issa anke fost il-klieb, billi jgħid li klieb f’santwarju, f’boarding kennel jew f’pet shop se jkunu jistgħu jinżammu fi spazji limitati u anqas minn dak li titlob il-ligi. Dan l-Avviż Legali jagħti massimu ta’ spazju ta’ mhux aktar minn tliet metri kwadri għall-akbar kelb li jeżisti, li diġà hu spazju żgħir ħafna u mhux adattat.

Għax għandu għal qalbu l-annimali kollha u l-ħarsien tagħhom, għall-Partit Nazzjonalista dan hu inaċċettabbli. Li kelb ikun komdu f’postu hu wieħed mill-ħames libertajiet fundamentali biex ikollu l-aħjar benessere possibli.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern hu obbligat ikompli jappoġġja lis-santwarji u jara li dawn il-miżuri jinżammu, filwaqt li jekk l-ispazju li għandhom ma jippermettux, għandu jagħti l-għajnuna finanzjarja biex dan isir possibbli.

Dan kien ikun possibbli li kieku ħaseb fihom fil-Budget għal din is-sena minflok ma nesihom, kif għamel fl-aħħar snin, meta rajna nuqqas drastiku ta’ ghajnuna lis-santwarji u lil mijiet ta’ voluntieri biex, fl-aħħar mill-aħħar, qed ibatu l-annimali.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell biex il-Gvern jisimgħu u jaħdem miegħu għal dak li hu verament bżonnjuż biex jingħata l-aħjar fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.