Internazzjonali

IS-SAGA TAT-TITAN: Kważi tisfuma fix-xejn it-tama li jinstabu ħajjin

Kmieni dalgħodu, kompliet it-tfittxija fiz-zona fejn huwa maħsub li intilef it-Titan – is-sottomarin li jintuża mill-kumpanija ‘OceanGate’ sabiex tniżżel persuni fis-sit fejn għereq il-bastiment Titanic.

Skont l-aħħar rapporti, l-ossiġnu li kien hemm fit-Titan kellu jispiċċa f’dawn il-ħinijiet. U allura, kważi intilfet kull tama li l-persuni abbord jinstabu ħajjin. Dan meta t-Titan għadu lanqas biss ġie lokalizzat.

Esperti qalu li t-timijiet ta’ emerġenza li jinsabu fiz-zona – ‘il barra minn Newfoundland – qed jippreparaw għall-agħar xenarju possibbli.

Abbord is-sottomarin hemm ħames persuni, b’wieħed minnhom huwa biljunarju ta’ 48 sena, Shahzada Dawood li kien xtara passaporti Malti lura fl-2016. Miegħu hemm ukoll ibnu ta’ 19-il sena. Fl-istess sottomarin hemm ukoll biljunarju Ingliż, eks-bugħaddas tan-Navy, u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija OceanGate.