Ambjent Lokali

Kemmuna xorta fgata bid-deckchairs

Wara sajf ta’ protesti, rabja u azzjonijiet fejn il-poplu ġie mwiegħed li l-affarijiet se jinbidlu ….huwa diżgustanti li reġa wasal is-sajf u l-bajja tal-Blue Lagoon tinsab fgata bid-deckchairs.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Moviment Graffitti hekk kif fl-aħħar jiem, bosta irrappurtaw illi l-operaturi tad-deckchairs imlew l-bajja tal-Blue Lagoon bid-deckchairs – speċjalment fuq in-naha tax-xagħri – u l-ERA ma ħadet l-ebda azzjoni meta ġew infurmati b’dan l-abbuż.

Dan kollu mhux biss imur kontra t-talbiet tal-għaqdiet u l-pubbliku li saru matul il-protesti tas-sajf li għadda, iżda juri wkoll id-dgħjufija tal-ERA u tal-Ministru tal-Ambjent, Miriam Dalli; dgħjufija quddiem il-forzi kummerċjali li qed jheddu l-wirt naturali ta’ pajjiżna.

Sena ilu l-Gvern wiegħed lill-poplu Malti li matul is-sajf ta’ din is-sena l-affarijiet f’Kemmuna kienu se jinbidlu – iżda jidher li kollox se jibqa’ l-istess.

Graffitti qalu li l-poplu kien qed jistenna li jara bidla fir-rigward tal-mużika għolja, il-konġestjoni ta’ turisti li jinġiebu b’vapuri kbar, u d-deckchairs fuq kull roqgħa tal-Blue Lagoon.

Fl-istqarrija intqal li huwa inaċċettabbli li sena wara sena l-awtoritajiet jibqgħu skjavi tal-interessi kummerċjali. U għalhekk, il-Moviment Graffitti qed jistenna li dawn id-deckchairs fuq ix-xagħri jitneħħew b’mod immedjat …u li kull talba għal konċessjoni ġdida tiġi rtirata mill-applikant, jew rifjutata kategorikament mill-ERA u mill-awtoritajiet kollha.

Il-Moviment Graffitti wissa li jekk l-awtoritajiet mhumiex se jieħdu azzjoni il-pubbliku se jkun mġiegħel jintervjeni sabiex jipproteġi lil Kemmuna mill-forzi tar-regħba.