Żagħżugħ Serb ta’ 18-il sena ġie mmultat €1,200 mill-Maġistrat Kevan Azzopardi wara li ammetta li waqt li kien qed jgħix f’komun ta’ appartament f’San Pawl il-Baħar kellu fil-pussess tiegħu d-droga cannabis u li għamel vjolazzjoni kontra sid il-propjetà.
L-Ispettur Christian Cauchi qal lill-Qorti li fl-20 ta’ Ġunju għall-ħabta tad-9.30pm Viktor Vujovic kien instab mill-pulizija fl-appartament fi triq it-Tamar. Dan seħħ wara telefonata tal-propjetarju tal-post lill-pulizija li qal li kien hemm persuna jgħix fil-komun.
Cauchi qal li kif marru fuq Vujovic sabuh b’bagalja u baskett u ma kellu l-ebda dokumenti fuqu. Huwa ttieħed l-għassa tal-Qawra fejn saret tftixxija fuqu u fil-baglaja fejn instabet sustanza ħadra suspettata cannabis. L-ammont tad-droga kien ta’ 74.41 gramma.
Aktar tard Vujovic, li kellu wkoll mobile għamel kuntatt fuq instagram ma’ ħuh li minn naħa tiegħu ħalla d-dokumenti tal-akkużat viċin l-għassa tal-Qawra. L-Ispettur Cauchi qal ukoll li min ċempel dwar il-fatt li l-akkużat kien fil-komun, qal li dan kien ilu jgħix hemm minn nhar is-Sibt u li dan kien skopert mill-cameras tas-CCTV.
Hu qal li Vujovic kien għatta l-camera b’liżar u li rah jagħmel dan min ċempel lill-Pulizija. Dan ukoll segwih sakemm fin-nofs daħlu l-pulizija u arrestawh. L-ispettur qal li minkejja li l-ammont ma kienx wieħed żgħir fejn tidħol cannabis, il-mod kif kienu skjerati jindikaw li huwa minnu li din id-droga kienet għal użu personali tiegħu.
Min ċempel qal li l-akkużat kien ilu jgħix mis-Sibt fil-komun, li għandu CCTV camera, li dan għatta l-camera b’liżar, fejn rah hi stess jagħmel dan u għalhekk segwih u wara daħlu l-pulizija. Fuq mistoqsija tal-Qorti l-imputat ammetta għal darba darbtejn wara li din tagħtu ż-żmien biex jaħsibha.
L-Ispettur Cauchi qal li l-imputat ikkopera mal-pulizija u meta wieħed jikkunsidra l-eta tiegħu u li d-droga kienet għal użu personali qal li ma jaħsibx li piena ta’ ħabs għandha tingħata fiċ-ċirkostanzi anke fid-dawl ta’ fedina penali netta.
Id-difiża qalet li Vujovic kien qed jgħix ma sieħbu li telaq mill-appartament fejn kien instab u li hu kien qed jistenna biex imur x’imkien ieħor. Lanqas ma kien jaf kemm seta’ kellu droga skont il-liġi Maltija. Il-Qorti mmultat lis-Serb €1,200 fejn anke staqsietu jekk għandux impieg fejn hu qal li jaħdem bħala security. Il-Qorti tagħtu l-aċċess li l-multa jħallasha fl-ammont ta’ €100 fix-xahar.
//= $special ?>