Mill-1 ta’ Lulju li ġej, kull min irid ipoġġi b’mod temporanju l-caravan jew camper tiegħu, se jkun jista’ jagħmel dan biss wara li joħroġ permess mill-Kunsill Lokali bi ħlas ta’ €5 kuljum.
Skont Avviż Legali li se jkun ippubblikat il-Ġimgħa fil-gazzetta tal-Gvern, issa se jkunu hemm stiti speċifiċi għall-camping, imsejħa ‘designated sites’ fejn wieħed ikun jista’ jmur bil-caravan jew camper tiegħu u jkollu aċċess għal dawl u ilma.
Iżda f’dawn is-siti, il-ħlas se jkun ta’ €10 kull ġurnata; bid-dħul kollu se jmur għall-Kunsilli Lokali.
Dan kollu jfisser li issa se jkunu l-Kunsilli Lokali li se jiddeċiedu jekk jinħariġx permess sabiex wieħed ikun jista’ jokkupa spazju pubbliku permezz tal-caravan jew il-camper tiegħu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici, li kien responsabbli minn dan l-Avviż Legali, qal li għalissa l-Avviż se jkopri l-perjodu tas-sajf, minn Ġunju sa Settembru. Imbagħad wara dawn it-tliet xhur, terġa’ ssir evalwazzjoni u jkun deċiż jekk dan l-avviż legali jkunx estiż jew jerġa’ jinbidel.
Fi kliem l-istess Ministu, din ma kinitx riforma faċli iżda li riedet issir. Dan peress li kien hemm bżonn li jinħoloq kompromess bejn it-tgawdija ta’ din l-attività u l-interess pubbliku.
S’issa jidher li hemm żewġ siti identifikati bħala designated sites, f’Baħar iċ-Ċagħaq u l-Qortin it-Twil il-Mellieħa. F’Għawdex m’hemm ebda sit identifikat.
Aktar tard, huwa pjanat li jkun hemm tnejn oħra lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Sabiex wieħed jinħarġlu permess irid japplika online mal-Kunsill Lokali sa 48 siegħa qabel.. bil-permess għal designates sites se jkun qed joħroġ għal massimu ta sebat ijiem, u tliet ijiem għal żoni oħra… li mbagħad ikun jistgħu jiġu mġedda skont kif deċiż mill-Kunsilli Lokali.
Min jipparkja l-camper jew caravan qrib id-dar tiegħu, mhux se jkollu bżonn ta’ permess dment li dan ma jintużax.
Dawk il-persuni kollha li ma jimxux ma’ dawn ir-regolamenti ġodda, jistgħu jeħlu kontravenzjoni ta’ bejn €100 u €500 u ħlas ta’ €50 addizzjoni għal kuljum li fih l-kontravenzjoni tippersisti.
//= $special ?>