L-artist Frederick Gingell ippreżenta pittura dwar Mons. Fortunato Mizzi lil Richard Muscat, il-President tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi f’ċerimonja li saret fl-arkivji tal-Fondazzjoni li jinsabu temporanjament fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Mons Fortunato Mizzi (1927-2017) twieled il-Belt u kien it-tifel tal-ex Kap tal-PN u ex Prim Ministru Nerik Mizzi u martu Bice Vassallo.
Ftit wara li sar saċerdot, Mons Fortunato Mizzi waqqaf il-Moviment Azzjoni Socjali (M.A.S.) biex ikompli fil-ħidma tiegħu fil-kamp tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Hu qatta’ għomru jaħdem fost il-ħaddiema li ma kellhomx min jaqbeż għalihom, speċjalment il-bdiewa u waqqaf għall-ewwel darba il-kooperattivi f’Malta li għamlu suċċess kbir.
Dun Fortunat, kif kien magħruf, kien jaħdem fis-skiet u mingħajr ħafna trombi u żamm bogħod mill-politika partiġjana biex jilħaq il-missjoni tiegħu aħjar.
Hu ippubblika diversi kotba u studji dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja ispirat mill-enċiklika Rerum Novarum ta’ Papa Ljun XIII u dwar id-drittijiet tal-ħaddiema.
Mons Fortunat Mizzi waqqaf ukoll il-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi fl-2010 u flmkien ma’ Lawrence Gonzi, eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN, taw bidu għal din il-fondazzjoni li fiha għadda l-arkivji kollha u dokumenti, memorabilja, ritratti li kienu ta’ nannuh Fortunato Mizzi, fundatur tal-Partit Nazzjonalista u magħruf bħala Padre della Patria għall-ħidma politika tiegħu favur l-akkwist tad-drittijiet politiċi u ċivili tal-poplu Malti, u l-arkivji ta’ missieru Nerik Mizzi.
Ir-rwol tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi huwa li tiftaħ mużew politiku fid-dar storika fejn għex u miet Nerik Mizzi u martu Bice flimkien ma’ binhom Dun Fortunato fil-Belt. Kienet ix-xewqa ta’ Mons Mizzi li dan il-mużew politiku joffri servizzi ta’ riċerka dwar il-perjodu ta’ meta għexu ż-żewġ statisti u mexxejja politiċi Maltin, kif ukoll li żżomm ħajja l-memorja tagħhom.
Il-Fondazzjoni hija mmexxija minn Bord ta’ Amministraturi u l-President huwa Richard Muscat.
L-artist Frederick Gingell huwa artist Malti li juża l-mezz tal-kuluri bħala karatteristika dominant tiegħu. Huwa żviluppa stil uniku bħala artist tal-arti figurattiva. Frederick kellu diversi wirjiet personali u speċjalizza fil-portraits.
Il-President tal-FFEM Richard Muscat irringrazzja lill-artist Frederick Gingell ta’ din id-donazzjoni sabiħa dwar il-Fundatur tal-Fondazzjoni u wiegħed li dan il-kwadru jitpoġġa f’post xieraq fid-dar fejn twieled u issa hija s-sede tal-Fondazzjoni biex jonora x-xewqa tad-donatur.
L-artist Frederick Gingell qal lil Richard Muscat li issa jinsab kuntent għax wara li gawda din l-opra tiegħu għal diversi snin, wasal il-waqt li jserraħ rasu li tinsab fil-post fejn tassew jixraq u tiġi smata.
