Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ta n-nar vettura f’Santa Luċia minħabba d-droga

Il-Qrati tal-Ġustizzja - Arkivji

Serb ta’ 39 sena ġie ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba snin mill-Maġistrat Kevan Azzopardi wara li ammetta li fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Mejju li għadda ħaraq vettura li kienet ipparkjata Santa Luċia wara li kien tqabbad minn persuna oħra.

Goran Poljakovic li jaħdem bħala xufier qal lill-Pulizija li huwa kien tqabbad minn individwu li ħallsu biex iqabbad il-karozza li fiha ma kien hemm ħadd. Ir-raġuni li wettaq dan ir-reat kien li għandu l-vizzju tal-eroina, u għamel dak li għamel biex ikollu flus biżżejjed biex jixtri l-imsemmija droga.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ hekk kif irriżulta li sid il-vettura mogħtija n-nar kienet ta’ mara u li hija tat-tip Toyota Vitz, liema karozza kienet il-mira prinċipali biex tiġi distrutta.

Is-Serb ammetta wkoll li għamel ħsara fuq żewġ karozzi oħra li kienu pparkjati fil-viċin, waħda tal-għamla Maruti Omni u l-oħra Fiat Punto, liema ħsara taqbeż kumplessivament fuq it-tliet karozzi, l-ammont ta’ 2,500 ewro.

Il-prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti li fi-19 ta’ Mejju daħal rapport lid-distrett ta’ Raħal Ġdid li kien hemm ħruq ta’ vettura f’Santa Luċia. Hawn ġie nfurmat  l-Ispettur Antonello Magri li nforma lill-Maġistrat tal-Għassa u kienet ordnata tinfetaħ inkjesta.

L-investigazzjoni saret mill-arsons unit u l-Pulizija tad-distrett ta’ Raħal Ġdid. Mill-filmati tas-CCTV kien nnutat għall-ħabta tas-1am intlemħet karozza tal-kiri ta’  kumpanija lokali tal-kiri fejn kemm qabel u wara li ngħatat in-nar deheret persuna ta’ sess maskili.

Ġie spjegat li kien trekkjat l-indirizz tal-email ta’ min ibbukkja l-karozza u rriżulta li dan joqgħod Birżebbuġa u li kien l-imputat. Irriżulta wkoll mill-investigazzjoni li l-booking sar minn numru ta’ mobile lokali.

Kien l-Ħamis stess li s-Serb ġie arrestat u tressaq il-Qorti wara nofs inhar fl-istess jum. Il-prosekuzzjoni qalet li Poljakovic ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija li huwa minnu li għandu problema ta’ eroina u kien u għalhekk li wettaq dan ir-reat.

Wara li ammetta l-Maġistrat wissieh li każ bħal dan il-minimu huwa  ta’ sentejn ħabs bil-massimu jitla’ għal erba’ snin. Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet se tħalli f’idejn il-Qorti għall-piena nflitta. Id-difiża qalet li dak li għamel Poljakovic seħħ għax kien f’disperament minħabba l-vizzju tad-droga u li fil-preżent għandu l-mara tqila. Għaldaqstant qalet li jekk hu possibbli ma jingħatax piena karċerarja.

Id-difiża qalet ukoll li l-imputat lest li jissottemittu ruħu għal trattament għal termini tal-artikolu 412 (D) kif ukoll tal-Kodiċi Kriminali tal-Liġijiet ta’ Malta u li jħallas l-ammont ta’ danni kkawżati, ma jersaqx lejn il-vittmi u joqgħod għall-programm li tordna l-Qorti.

Il-Maġistrat Azzopardi ordna lill-ħati biex jissottomerti ruħu għal ordni ta’ trattament u joqgħod għad-direzzjoni mogħtija lilu minn uffiċjal tal-probation. Wara li hu ddikjara li jaqbel ma’ din l-ordni u jissottometti għall-programm tal-Caritas.

Il-Qorti ordnat li l-ħati jħallas id-danni kollha kommessi lill-vittmi wara li jinġiebu l-istimi kollha skont il-liġi. Hu jrid iħallas ukoll l-ispejjeż tal-Qorti li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ. Il-qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzzjoni fil-konfront ta’ tliet vittmi u pprojbixxiet lill-imputata milli jersaq, javviċina jew jagħmel kuntatt mal-vittmi u ma jersaqx fit-triq fejn seħħ l-inċident jew f’kull post fejn ikunu l-vittmi – b’din l-ordni hija għall-perjodu ta’ tliet snin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Sciberras, Antonello Magri u Jeffrey Scicluna. Dawn kienu mgħejjuna mill-avukati Daniel Tabone u Joseph Camilleri Azarov mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.