Lokali

Silvio Schembri ‘kuntent’ bil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna

Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Clyde Caruana, għamilha ċara li jekk f’Malta ma jinħoloqx mudell ekonomiku ġdid sal-2040 il-popolazzjoni ta’ pajjiżna se tiżdied għal 800,000 persuna. Iżda l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri, donnu ma jridx jisma’ mill-appelli li qed jagħmel il-Ministru Caruana… għax skont hu… mexjin tajjeb.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ fid-deher kemm pajjiżna mhux jiflaħ għaż-żieda qawwija fil-popolazzjoni; problema li ħoloq il-Gvern ta’ Robert Abela fejn Malta affaċċjat żieda ta’ madwar 100,000 f’temp ta’ ftit snin.

U turija ċara ta’ din is-sitwazzjoni diżastruża huwa l-piż li qed jinħass fuq is-settur tas-saħħa, u anke fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna – bl-ammont ta’ karozzi u traffiku dejjem jikbru.

Iżda minkejja dan kollu, il-Ministru Silvio Schembri jibqa’ jinsisti li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna huwa tajjeb.

Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu u jippersisti li ma jbiddilx il-mudell ekonomiku. Mhux hekk biss, iżda l-Prim Ministru spiċċa saħansitra jirredikola t-twissija ta’ Clyde Caruana, għaliex skont hu …din hija biss “tbassir”.