Sport Sport Ieħor

Special Olympics World Games: Aktar midalji għal Malta

Charles Camenzuli

Fir-raba’ ġurnata ta’ kompetizzjoni fis-Special Olympics Wolrd Games f’Berlin, aktar suċċess għall-atleti Maltin.

Fiċ-Ċikliżmu, Carmelo Pace rebaħ il-midalja tad-deheb fil-5km Road Race. Tiiġrija mill-isbaħ għal dan iċ-ċiklista li ħareġ b’saħħtu mill-bidu u baqa’ fuq quddiem tul il-korsa. Sasha Cini daħlet fit-tielet post fil-finali tal-5km Road Race u rebħet il-bronż f’ċirkwit viċin iż-żona ta’ Brandenburg Gate. Giusppina Galea f’ 6:00.24 sekondi temmet iż-2km time Trial.

Fit-Table Tennis, rebħ ta’ midalja tad-deheb fil-Men’s Unified Doubles fejn Samuel Borg lagħab ma’ Anthea Cutajar tal-Malta Table Tennis Association u rebħu fil-finali kontra l-Oman. Borg u Cutajar tilfu l-ewwel żewġ sets 9-11 u 12-14, iżda wara rebħu 11-5, 11-4, u 11-9. F’din il-kategorija il-Unified Athlete, tista’ tkun ta’ sess differenti mill-atleta ta’ Special Olympics. Samuel Borg kien qed jilgħab mal-atleta tal-MTTA Anthea Cutajar li lagħbet f’dan il-logħob bħala Unified Athlete b’Johanna Grech tkun il-kowċ tat-tim Malti.

Fl-għawm, l-għawwiema Maltin ta’ Special Olympics Malta Maria James, Benji Camilleri, Alessia Distefano u Sam Micallef rebħu l-midalja tad-deheb meta rebħu il-finali tal-4 x 25m freestyle.