Lokali

Traġedja fil-Gudja – anzjan imut wara li nqabad taħt karozza

Il-Pulizija ġew imsejħa fil-Gudja wara li aktar kmieni, raġel li għandu madwar 77 sena spiċċa maqbud taħt karozza.

Il-każ seħħ ftit wara t-tokki ta’ nofsinhar, fil-qalba ta’ dan ir-raħal – fi Triq Raymond Caruana.

Jidher li r-raġel miet wara li nqabad taħt karozza li kien qed isewwi f’garaxx.

Immedjatament fuq il-post waslu membri tal-protezzjoni ċivili kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-anzjan, iżda sfortunatament huwa miet fuq il-post.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Kevon Azzopardi, filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga d-dinamika ta’ kif seħħet din it-traġedja.