Futbol Sport

Manchester United għadhom qed jittamaw fl-akkwist ta’ Mason Mount

(Ritratt: EPA)

Fl-Ingilterra, matul din il-ġimgħa, Mason Mount ta’ Chelsea qed ikun kontinwament fl-aħbarijiet hekk kif il-futur tiegħu għadu inċert.

Il-midfielder offensiv ta’ 24 sena, fadallu sena oħra kuntratt ma’ Chelsea, u għaliħ hemm interess kbir minn Manchester United. Skont dak li qed ikun rrappurtat, ir-Red Devils diġa’ għamlu żewġ offerti għall-akkwist ta’ Mount lil Chelsea, li iżda t-tnejn kienu rrifjutati.

Manchester United pero qed jippreparaw li jagħmlu t-tielet offerta tagħhom għal Mount u skont il-ġurnalist sportiv ta’ Sky Sports Mark McAdam, “illum jew għada, Mount se jkun plejer ta’ Manchester United.”

Prodott tal-akkademja ta’ Chelsea, Mount lagħb 129 logħba mal-Blues u skorja 29 gowl. Il-midfielder internazzjonali Ingliż kellu żewġ esperjenzi b’self ma’ Vitesse fl-Olanda u fiċ-Championship ma’ Derby County, meta dak iż-żmien kienu fit-tmexxija tal-plejer leġġendarju ta’ Chelsea Frank Lampard.