Lokali

83% tal-istudenti esperjenzaw cyberbullying

L-effett tas-cyberbullying iħalli diversi vittmi.

Dan sostnietu l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca waqt konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, dwar l-abbużi li jsiru fuq l-internet.

Fil-fatt, stħarriġ ikkummissjonat lill-MISCO dwar l-abbuż onlajn mal-istudenti analizza każijiet fejn it-tfal irċevew messaġġi li ma stennewx jew li ma staqsewx għalihom, messaġġi mingħand nies li ma jafux, kif ukoll rċevew messaġġi mingħand persuni jistaqsuhom għal ritratti personali u għal informazzjoni personali.

Is-survey sab, fost l-oħrajn, li 15% qalu illi esperjenzaw abbuż onlajn… filwaqt li 83% esperjenzaw cyberbullying fil-forma ta’ theddid.

Il-parteċipanti kellhom l-għażla li jiktbu xi messaġġi li rċevew; fost dawn, studenta ta’ 9 snin irċeviet messaġġ biex tibgħat ritratt tal-partijiet privati tagħha, u tifla ta’ 13-il sena irċeviet messaġġ biex tibgħat ritratti personali tagħha u rċeviet teddid jekk hi ma tagħmilx hekk.

Marie-Louise Coleiro Preca irreferiet għal storja fejn tifla t’10 snin pruvat tagħmel suwiċidju minħabba bullying… fortunatament għexet, iżda spiċċat f’siġġu tar-roti għal ħajjitha kollha. Hi semmiet ukoll kif fl-2020, in-Nazzjonijiet Uniti ħarġu sett ta’ linji gwida rigward cyberbullying.

Fil-konferenza tkellmet ukoll iż-żagħżugħa Laura, li meta kellha 14-il sena, il-paġna tal-Facebook tagħha ġiet hacked, u l-hacker beda jtella ritratti u filmati mhux xierqa fuq il-paġna tagħha meta hi ma kelliex aċċess għal paġna tagħha.

Minħabba dan, sħabha għajruha “ħmieġ” u tilfet il-ħbieb …għaliex huma ħasbu li hi kienet qeda ttella dawn ir-ritratti u l-fimati.