Lokali

Fearne ma jeskludix li Joseph Muscat qed iwettaq frame-up fuqu

Tissokta l-instabbiltà fil-PL – “Għandi l-ħsibijiet tiegħi. Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma”

Mhux se nispekula, iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.

Hekk sostna d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta l-Ġimgħa filgħodu Net News staqsieh jekk jeskludix li qed jitwettaq frame up fuqu jew li saħansitra dan l-istess frame-up qed jitwettaq mill-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat…kif ġie allegat għal aktar minn darba.

Dan wara li fl-aħħar jiem l-awtur Mark Camilleri insista, mingħajr l-iċken dubju, li Joseph Muscat qed iwettaq frame-up fuq Chris Fearne, u l-id il-leminija tiegħu Carmen Ciantar – b’Camilleri saħansitra jżeffen fin-nofs lill-avukat u eks ġurnalist tal-Labour Charlon Gouder flimkien mal-President Laburista Ramona Attard – li skont hu qiegħdin jgħinu lil Muscat.

Fl-aħħar ġimgħat ġie rrapporat f’gazzetta fil-Pakistan li Ciantar ixxaħmet minn kumpanija qrib il-Vitals u sussegwentament din issospendiet lilha nfisha minn Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Ftit tal-jiem wara, ġie allegat ukoll li bintha Celine daħlet xi flus b’rabta ma’ xiri tal-passaporti; flus li allegatament kienu kick backs għal ħadd ħlief Chris Fearne.

Carmen Ciantar insistiet li forzi tad-dlamijiet qed jużaw lilha u lil bintha sabiex jitwettaq frame-up fuq Fearne – frame-up li s’issa għadu ħadd ma ċaħad…daqskemm ħadd ma ċaħad li dan qed jitwettaq minn Joseph Muscat, skont kif allega Mark Camilleri…għal aktar minn darba.

Għaldaqstant Net News staqsa lil Chris Fearne dwar dan kollu, bil-Ministru jagħti x’jifhem li għandu idea min hu jew minn huma l-persuni wara dawn l-allegazzjonjiet …. li skont hu huma redikoli.

U filwaqt li ħeġġeġ lill-Pulizija sabiex jagħmlu xogħlhom, lanqas Fearne nnifsu ma eskluda li dan l-allegat frame-up qed jitwettaq minn Joseph Muscat.

S’issa għadu ħadd ma ċaħad din l-allegazzjoni ta’ frame-up fil-konfront ta’ Chris Fearne – ħadd ma huwa qiegħed jeskludi li dan kollu qed jitwettaq mill-kamp Laburista u agħar minn hekk minn Joseph Muscat u ta’ madwaru – bl-unika risposta ta’ Robert Abela tkun sabiex nistaqsu lil Muscat direttament.