Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Diżgwid kbir bejn il-Kap tal-Wagner u l-Ogħla Tmexxija tal-Armata Russa

Id-diżgwid bejn l-uffiċjali Russi li qed imexxu l-gwerra fl-Ukrajna qed jiggrava sew – tant li l-Kap tal-grupp Wagner magħmul mill-merċenarji akkuża lill-ogħla kmandanti tal-Armata Russa b’li qed ‘iqarrqu sfaċċatament’ bil-President Russu Vladimir Putin. Dan fost allegazzjonijiet li huma mhumiex jiżvelaw l-informazzjoni dwar ‘id-disfatti kolossali tat-truppi Russi fil-kamp tal-battalja’.

Yevgeny Prigozhin, alleat ta’ Putin iżda kritiku qalil tal-Armata regolari tar-Russja, qal li l-Mexxej Russu mhux qed ikun aġġornat dwar ‘il-vera sitwazzjoni fl-Ukrajna’. U waqt li l-merċernarji tal-Wagner qed ikollhom sehem kbir fil-battalji bħala sostenituri tal-Armata Russa, Prigozhin jidher li jrid juri lill-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu fl-agħar dawl possibbli – fost rapporti ta’ moral baxx ħafna fost il-qawwiet tal-Kremlin.

Hawnhekk Prigozhin akkuża lil Shoigu talli mhux jinforma lil Putin dwar ‘l-eluf tat-tankijiet tal-gwerra u vetturi armati ( tar-Russi) meqruda fil-belt ta’ Bakhmut li ilha x-xhur waħda mill-akbar fronti ta’ gwerra fl-Ukrajna. Il-Kap tal-Wagner anki akkuża lill-Kap tal-Armata Russa, Valery Gerasimov, talli, ‘l-istess bħal Shoigu’qed jirrifjuta li jiżvela l-problemi kbar għat-truppi Russi f’Bakhmut.

Hu wkoll sinifikattiv il-kumment ta’ Prigozhin dwar il-kontro-offensiva attwali tal-Ukreni biex jieħdu lura t-territorji li kienu tilfu, xhur ilu, lir-Russi.

Dan għaliex filwaqt li l-propagandisti Russi qed jinsistu dwar ‘il-falliment’ tal-kontro-offensiva, Prigozhin irribatta li ‘din l-informazzjoni hi ferm ‘il bogħod mill-verità’ u li ‘kmandanti bħal Shoigu u Gerasimov qed jissagrifikaw l-eluf tas-suldati  għalxejn waqt sitwazzjoni kumplikata li ma jistgħux isibu tarf tagħha’.

Intant, il-Kap tal-merċenarji fisser bħala ‘gideb u qlajjiet’ ir-rapporti ta’ Moska li l-militar Russu rnexxielu jeqred numru ta’ tankijiet Leopard 2 li l-Ġermanja provdiet lill-Ukreni biex jiddefendu pajjiżhom.

U f’kumment ieħor li ma niżel tajjeb xejn mat-Tmexxija Russa, Yevgeny Prigozhin insista li l-gwerra fl-Ukrajna kienet xprunata mill-oligarki b’kuntatti mill-qrib mal-Kremlin u li  ‘riedu jaħtfu aktar milli jifilħu jgawdu’ – u mhux minn xi theddida ta’ Nażiżmu fl-Ukrajna ‘bħalma qed jinsisti dwarha Putin’.