Wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni riveduta tal-Gvern tal-emenda tal-Kodiċi Kriminali relatata ma’ ommijiet tqal u trabi fil-ġuf tagħhomu li jsibu ruħhom f’diffikultajiet ta’ theddida għall-ħajja, il-Koalizzjoni ‘Inti Tista’ Ssalvani’ ħadmet ma’ mħallfin, tobba, avukati u etiċi biex tanalizza l- abbozz ta’ emenda ġdida mressqa mill-Gvern u toħroġ bil-pożizzjoni tagħha.
Il-Koalizzjoni tirrikonoxxi li l-abbozz kif rivedut mill-ġdid mill-Gvern hu riżultat dirett tal-aktar minn 25,000 persuna li bagħtu email lill-Prim Ministru, lill-Ministru tas-Saħħa u lid-deputati tad-distrett tagħhom, l-aktar minn 20,000 persuna li ħargu jiddimostraw fil-Belt Valletta u l-ħafna individwi li esprimew it-tħassib tagħhom pubblikament fuq ilmidja soċjali jew privatament mal-Membri Parlamentari tagħhom – bagħtu messaġġ ċar li l-abbozz oriġinali tal-liġi kien se jdaħħal l-abort f’Malta, u dan ma kienx aċċettabbli għall-poplu ta’ Malta.
Il-Koalizzjoni tikkonkludi li l-emenda kif proposta issa ma tintroduċix l-abort f’Malta iżda se tikkodifika l-prattiki eżistenti tas-salvataġġ li qed jiġu applikati bħalissa f’Malta, u tipprovdi aktar salvagwardji għall-ommijiet, trabi fil-ġuf, u tobba.
Il-Koalizzjoni tirringrazzja lill-Gvern talli sema’ t-tħassib imqajjem mill-Koalizzjoni li kienet immexxija minn Life Network Foundation, Doctors For Life, u Nara l-Ħajja, appoġġjata mill-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, ħafna gruppi oħra favur il-ħajja, il- 44 NGO, Gruppi u Assoċjazzjoni u t-80 grupp espert magħmul minn tobba, mediċi, imħallfin, avukati u etiċi madwar Malta u Għawdex.
Il-Koalizzjoni tirringrazzja wkoll lill-President ta’ Malta George Vella, għad-difiża qawwija tiegħu tal-ħajja u l-appell u l-isforzi tiegħu għal aktar djalogu li ma baqgħux injorati.
//= $special ?>