Lokali

Għada ssir l-elezzjoni għall-membri tal-Eżekuttiv Nazzjonalista

Għada se tkun qed issir l-votazzjoni ewlenija biex ikunu eletti l-membri tal-Eżekuttiv Nazzjonalista fejn fiha mistennija li jiġu eletti sitt nisa u sitt irġiel.

B’kollox għal din l-elezzjoni tefgħu n-nomina taghhom 25 persuna; b’disgħa minnhom ikunu nisa, għaxar irġiel, erba’ żgħażagħ u żewġ Għawdxin.

Fil-każ tal-listi taż-żgħażagħ u l-Għawdxin, dawk li tefgħu n-nomina huma awtomatikament eletti minħabba li ntefgħu nomini skont kemm huwa meħtieġ mill-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.

“Nhar is-Sibt il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit għandhom il-fakultà li jivvutaw biex jgħażlu min se jkunu r-rappreżentanti fl-Eżekuttiv tal-Partit,” qal Mark Anthony Sammut. “Minn dawn imbagħad jiġu maħtura jew imġedda l-uffiċjali tal-Partit. Kulħadd għandu jiġi jivvota fid-Dar Ċentrali jew fis-Sub-Headquarters.”

L-elezzjoni tas-Sibt li ġej se tinżamm bejn id-9am u l-5pm fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà u bejn id-9am u t-3pm fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat.

S’issa diġa’ vvotaw 16.5% tal-kunsillieri fil-votazzjoni bikrija li saret it-Tnejn filgħaxija sabiex ikunu eletti l-membri tal-Eżekuttiv Nazzjonalista.

Is-Sibt filgħaxija mistennija li jkunu magħrufa dawk it-12-il persuna li se jiġu eletti. Imbagħad, il-Ħadd se jkun qed isir il-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Niġġeddu għal Pajjiżna’ fejn fost l-oħrajn se jsir id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino fejn se jitkellmu dwar il-ħidma amministrattiva u politika tal-Partit Nazzjonalsita.