Lokali Qorti

Liberata mill-appell dwar theddid fuq żewġha wara argument fuq żewġ muniti sentimentali

Mara ta’ 45 sena residenti Ħaż-Żabbar kienet liberata mill-Qorti tal-Appell Kriminali fuq każ ta’ theddid fil-konfront ta’ żewġha f’argument bejn il-koppja li beda fuq żewġ munuti sentimentali. Il-mara kienet instabet ħatja ta’ theddid u li ħarġet barra mill-limiti tal-provokazzjoni mill-Qorti tal-Maġistrati u kienet ġiet liberata bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien xhur.

Il-każ seħħ fis-7 ta’ Novembru tal-2021 għall-ħabta tal-10.30pm. fir-residenza tagħhom fejn inħoloq argument dwar żewġ muniti. Ir-raġel qal li meta wasal lura d-dar sab lil martu tistennieh u li hi bdiet tgħidlu biex jagħtiha l-muniti lura waqt li mbagħad bdiet twaddab u tkisser l-affarijiet. Skont ir-raġel, il-mara qaltlu li din ma kinitx se tispiċċa hawn. Il-mara kkonfermat li kienet qed tistenna lil żewġha u li meta daħal, qaltlu biex jagħtiha l-muniti pero’ ċaħdet li waddbet xi oġġetti u tkissru xi affarijiet.

Il-mara qalet li żewġha mar fuqha, lewielha jdejha u qaltlu li riedet il-muniti lura peress li ma kinitx se tieqaf hemm. Ir-raġel xehed li kien għamel rapport lill-pulizija dwar argument li nħoloq bejnu u bejn martu; liema rapport kien jirrigwarda żewġ muniti – waħda tan-nofs lira u oħra tal-lira, li r-raġel jgħid kienu ġew mogħtija lilhom għat-tfal mill-ġenituri tagħha.

Hu qal li martu kellha xi problemi finanzjarji u ma kienx jaf li kienet se tbiegħhom u jgħid li hu ma xtaqx li l-muniti in kwistjoni jintilfu. Spjega li ta dawn il-muniti lil missier il-mara u li meta mar id-dar martu bdiet tgħajjat miegħu  u hu ma kellimha xejn.   

Qal li martu daħlet fil-kamra tas-sodda tagħhom u bdiet issabbat mal-art l-affarijiet li ġew f’idejha quddiem binhom ta’ 11-il sena. Jgħid li bdiet issabbat u tkisser u li waddbitlu żewġ trophies tal-ġebel lejh u dawn inkissru.

Hu tenna li mar l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Zabbar u li l-pulizija marru miegħu d-dar u qalulu biex hu ma jidħolx id-dar pero’ biex imur jagħmel rapport id-Depot.

Mistoqsi mill-Ewwel Qorti jekk martu qaltlux xi ħaġa waqt l-argument, hu wieġeb: “Iva u qaltli li ħa ġġib lil ħutha għax din dejjem theddidni b’ħutha u qaltli: ‘Ħa jiġu għalik ħuti.’ Baqgħet tinsisti u tgħajjat: ‘Ġibhom issa’”

Sostna li b’dan il-kliem fehem li kienet se tgħidilhom biex imorru jhebbu għalih u jgħid li hu beża’ u qal ukoll: “Li naf li mhux se jiġri hekk għax huma jkellmuna. Jgħid li xorta kellu l-biża’. In kontro-eżami qal li fl-ebda ħin ma kien aggressiv lejn martu.

Il-mara qalet li ħadd minnhom wara li ħarġet mat-tfal, hekk kif daħlu lura marret tfittex id-deheb u sabet li fil-kaxxa fejn kien hemm id-deheb tagħha u ta’ żewġha mħalltin flimkien sabet kollox għajr għaż-żewġ muniti.

Qalet li meta rat hekk u żewġha ma bediex jirrispondieha, qalet lit-tifel jibgħatlu fuq Messenger u li minkejja dan żewġha ma weġbux u mbaghad ftit wara ċempillu lura u t-tifel qallu biex jieħu l-muniti lura lilha għax kienet irrabjata għalih fuqhom.

Tgħid li żewġha qal lit-tifel li hu ma kien ħa xejn. Tikkonferma li meta żewġha mar id-dar kienet qed tistennih u bdiet tgħidlu biex jagħtiha lura l-muniti peress li kienu ta’ valur sentimentali għaliha.

Sostniet li żewġha mar u lewlielha jdejha u tgħid li qaltlu: “irridhom lura għax din id-darba żgur li mhux se tieqaf hawn”.  Qalet ukoll li żewġha ħadielha l-pulizija d-dar u li hi ma kienet kissritlu xejn.

Qalet li l-għada żewġha ħa l-muniti għand missierha u missierha tahomlha lura. Ċaħdet li aggrediet lil żewġha, anzi kien żewġha li aggredieha meta hi bdiet tgħidlu biex jagħtiha lura l-muniti u hu qabdilha subgħajha u lewihulha.

Hi ċaħdet ukoll li heddedt lil żewġha b’ħutha u li kienet waddbet u kisret xi trophies li semma żewġha meta xehed, u li ma kissret xejn. In kontro-eżami taqbel li dakinhar  kienet irrabjata ħafna.

Il-Qorti tal-Appell qalet li hi tal-fehma li l-Ewwel Qorti ma setgħetx legalment u raġonevolment tasal għall-konklużjoni tal-ħtija. Jirriżulta wkoll li r-raġel filwaqt li qal li bil-kliem li martu qaltlu huwa fehem li kienet se tgħid lil ħutha biex imorru jħebbu għalih – jgħid ukoll: “Li naf li mhux ser jiġri hekk għax huma jkellmuna”.

Apparti minn dan jirriżulta wkoll mid-depożizzjoni tar-raġel li hu ċempel lil ħu l-kbir ta’ martu u saħansitra ltaqa’ miegħu u dana minkejja li jgħid li hi dejjem  theddu b’ħutha!. Għal dawn il-mottivi l-mara nstabet mhux ħatja.