Sport Waterpolo

Ir-rebħa waslet imma l-prestazzjoni setgħet kienet aħjar

(Ritratt: Timothy Cutugno)

Stewart Said

MALTA………………….. 14

UKRAJNA………………. 7

(2-1), (3-0), (5-3), (4-3)

It-tim nazzjonali Malti żamm mal-aspettattiva u rebaħ kontra l-Ukrajna. Il-prestazzjoni ma kinitx l-aħjar waħda iżda fuq kollox l-importanti kienet ir-rebħa.

Madankollu bil-mod kif inhi l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, id-differenza tal-gowls jista’ jkun fattur importanti jekk Malta ma tirbaħx il-grupp. Minkejja r-rebħa netta, wieħed mill-protagonisti kien il-gowlkiper Jake Tanti li ċaħħad diversi drabi milli l-vantaġġ jitnaqqar.

It-tim Malti kellu l-aqwa bidu possibbli b’gowl sabiħ ta’ Jake Muscat fl-ewwel attakk. Denis Gusakov ġab id-draw sakemm Ben Plumpton reġa’ poġġa lil Malta fil-vantaġġ minn penalty.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni. Nikolai Zammit ta nifs importanti lit-tim Malti b’doppjetta, b’Jake Muscat jagħmilhom 5-1 minuta minuta minn tmiem is-sessjoni.

Il-plejers Maltin ħadu l-kontroll totali fit-tielet sessjoni u aċċertaw mir-rebħa. Tliet gowls fl-ewwel minuta u nofs minn Muscat u Plumpton kabbru l-vantaġġ għal 8-1. Iżda donnu malli l-vantaġġ sar 10-1, it-tim Malti straħ u ppermetta lill-avversarji jnaqqsu d-distakk bi tliet gowls konsekuttivi.

Minħabba d-differenza tal-gowls, il-kowċ Milan Cirovic ma kienx kuntent fi tmiem it-tielet sessjoni u kellem lill-plejers b’mod dirett biex jibqgħu ma jagħtux pulzier ċans lill-avversarji.

It-tim Malti baqa’ fil-kontroll tal-logħba fl-aħħar sessjoni bl-għajnuna ta’ Tanti għalkemm l-Ukreni baqgħu jippruvaw sal-aħħar li jnaqqsu d-distakk finali. Tmiem il-logħba kien imtappan b’argumenti wara dik li dehret daqqa minn plejer Ukren, inċident li oskura ftit l-importanza tar-rebħa.

Malta: J. Tanti, J. Gabarretta (1), L. Galea (1), J. Gambin, J. Cutajar (2), B. Plumpton (3), J. Muscat (3), B. Cachia (2), J. Abela, N. Zammit (2), A. Fenech, N. Bugelli, N. Grixti

Ukrajna: K. Nikolskyi, M. Osyka, V. Voitenko (1), D. Ashanin, O. Diadiura (1), R. Gryshchuk, O. Dzhura (1), Y. Mametyev (1), D. Gusakov (1), K. Alieksieiev (2), D. Sokolov, I. Kechedzhy, M. Khytryi

Referees: Erwin Schapers (Olanda), Luis Santos (Portugall)

Il-Bulgari jdawru l-logħba fit-tielet sessjoni

BULGARIA…………….. 11

MALTA……………………. 7

(0-2), (2-1), (6-3), (3-1)

It-tim nazzjonali Malti fetaħ l-impenji minn Grupp A ta’ kwalifikazzjoni b’telfa kontra l-Bulgarija. It-tim Malti f’dik li hi l-ewwel esperjenza kompetittiva taħt il-kowċ il-ġdid Aurelien Cousin qed jipparteċipa bi skwadra b’età medja żagħżugħa.

Vantaġġ doppju għat-tim Malta fl-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Martha Perici Ferrante u Francesca Paolella. Għalkemm il-Bulgarija rkuprat l-iżvantaġġ fit-tieni sessjoni, gowl immedjat ta’ Elaya Montfort żamm lit-tim Malti fuq quddiem.

Madankollu l-Bulgari dawru l-logħba favurihom u sa nofs it-tielet sessjoni marru 7-4 minn fuq. It-tim Malti prova jwettaq reazzjoni iżda resaq biss sa żewġ gowls bogħod. Kienu żewġ gowls fl-ewwel parti tal-aħħar sessjoni li wittew it-triq għar-rebħa tal-Bulgarija. In-nisa Maltin jilagħbu l-logħba importanti llum fis-7.00pm kontra s-Slovakkja.

Bulgarija: P. Eftimova, A. Gesheva (1), T. Valcheva, M. Hristova (2), V. Todorova, I. Spasova, T. Bizheva (1), R. Rumenova (1), M. Naneva (4), S. Dimitrova, I. Dimitrova (2), R. Zhelyazkova, E. Stefanova

Malta: K. Agius, E. Montfort (1), E. Amato, K. Navarro (1), M. Perici Ferrante (2), L. Cachia, F. Paolella (1), K. Agius (1), D. Micallef (1), A. Bonello, Z. Bartolo, N. Azzopardi, K. Plumpton

Referees: Miodrag Stefanovic (Serbja), Ivo Mares (Repubblika Ċeka)