Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Stħarriġ ġdid qed juri li l-maġġoranza tal-Britanniċi ‘jerġgħu jivvutaw għal Brexit’

Stħarriġ ġdid fost diversi setturi tas-soċjetà Britannika wera li l-maġġoranza assoluta tar-residenti fir-Renju Unit huma ‘kuntenti’ dwar l-għażla, snin ilu, biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Dan waqt li huma sostnew ukoll li lesti biex jivvutaw l-istess li kieku l-proċess tal-vot kellu jirrepeti ruħu. Ir-rispondenti huma ottimisti li Brexit – irrispettivament mill-problemi fil-ħajja ta’ kuljum għall-Britanniċi – se jissarraf f’suċċess matul is-snin li ġejjin.

Intant, ir-riżultati tal-istħarriġ qed jitqiesu bħala daqqa ta’ ħarta għall-Britanniċi magħrufin bħala ‘Remainers’ li ilhom l-aħħar snin jgħidu li ċ-ċittadini li vvutaw għal Brexit ‘jistgħu qed jaħsbuha b’mod differenti’.

Fil-fatt, l-istħarriġ għal Public First indika li 72 fil-mija fost iċ-ċittadini li ħadu sehem huma lesti li jivvutaw ‘Leave’ mill-ġdid — b’sittax fil-mija biss jidhru favur li r-Renju Unit jieħu postu mill-ġdid fl-UE.

U 63 fil-mija tar-rispondenti huma kważi konvinti li Brexit se jirnexxi ‘għat-tul taż-żmien’ kontra t-tnax fil-mija li jemmnu li dan il-proċess kien ‘diżastruż’ għar-Renju Unit. Il-maġġoranza taċ-ċittadini Britanniċi anki waħħlu fil-politiċi ‘ineffettivi’ li skont huma ċedew wisq mill-poteri tal-Gvern lill-Uffiċjali fi Brussell.

Il-poplu tar-Renju Unit seba’ snin ilu kien ivvota – b’maġġoranza ta’ 52 kontra 48 fil-mija – biex ma jiffurmax aktar parti mill-UE, u bir-Renju Unit jinħall uffiċjalment minn mal-grupp ta’ Stati Ewropej fl-2021.