Lokali

Numru ta’ proposti favur il-gżira Għawdxija

Il-Forum għal Għadex u l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex qed jippruvaw isibu qbil fuq pjan ta’ tmien proposti li minnu tgawdi l-gżira Għawdxija.

Dan il-pjan jitkellem fost l-oħrajn dwar il-ħtieġa urġenti għall-iżvilupp ta’ direzzjoni ċara fejn jidħol l-ippjanar – direzzjoni li tiddistingwi l-ippjanar rurali u urban ta’ Għawdex minn dak ta’ Malta, u f’konformità mal-istatus ta’ Għawdex.

Dawn l-ngo’s qed jipproponu wkoll inċentivi fiskali biex jidderieġu s-suq tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà lejn riżultati aktar mixtieqa, filwaqt li jassiguraw il-karattru distint ta’ Għawdex billi jinnominaw lil Għawdex bħala ‘żona ta’ prijorità fid-disinn’, jinfurzaw standards arkitettoniċi aktar stretti, u użu ta’ karatteristiċi tradizzjonali li jikkumplimentaw iż-żoni tal-madwar.

Waħda mill-proposti titkellem fuq l-interpretazzjoni korretta u infurzar strett tal-policies u regolamenti attwali. L-għaqdiet qed jappellaw ukoll biex art ODZ  tiġi ppreservata u għalhekk applikazzjonijiet għal żviluppi f’żoni bħal dawn m’għandhomx jiġu ikkunsidrati; barra numru ta’ eċċezzjonijiet ġenwini.

Il-partijiet jaqblu fil-prinċipju fuq l-osservanza ta’ buffer ta’ 150 metru madwar bini u monumenti storiċi u skedati, filwaqt li l-iżvilupp jirrispetta u ma jaqbiżx l-għoli eżistenti ta’ bini storiku u skedat.

Punt ieħor li tqajjem kien dak li jsejjaħ għal xiri obbligatorju ta’ mill-inqas spazju ta’ parkeġġ wieħed għal kull unit residenzjali; għalkemm dan huwa l-uniku punt fejn mhemmx qbil…u hemm bżonn ta’ analiżi aktar profonda biex tiġi indirizzata l-konġessjoni tat-traffiku f’Għawdex.