Lokali

“Pajjiżna jeħtieġ regolamentazzjoni effettiva u ħolistika biex neqirdu l-fatalitajiet fil-post tax-xogħol mhux lip service” – PN

Proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Partit Nazzjonalista b’rabta ma’ White Paper dwar l-Att il-ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol

Il-Partit Nazzjonalista nieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-White Paper dwar l-Att il-Ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol. F’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kkonsulta mal-Kamra tal-Periti, mal-Kamra tal-Inġiniera, mal-Malta Occupational Health & Safety Practitioners, mal-Malta Developers Association, mal-Union of Health & Safety Practitioners u ma’ diversi partijiet oħrajn b’interess dirett f’din il-materja.

Fi stqarrija maħruġa minn mill-Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura, Ryan Callus ħareġ li dan l-abbozz għandu jirrifletti d-Direttiva Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol. Madankollu, sa mill-aħħar snin, il-Gvern għażel li jbiddel l-isem tal-Health & Safety Coordinator għal Project Supervisor. Minkejja li din tista’ tkun biss kwistjoni trivjali, il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-titlu Health & Safety Officer għandu jibqa’ jissejjaħ hekk f’pajjiżna biex ikun identifikabbli immedjatament.

L-abbozz jagħmel referenza għat-terminu “kompetenza” ta’ Health & Safety Officer, iżda mkien ma jispeċifika x’kompetenzi għandu jkollu l-Health & Safety Officer u tibqa’ suġġett ta’ interpretazzjoni li tista’ twassal għal persuni li jinħatru Health & Safety Officers mingħajr il-kompetenzi meħtieġa. Il-kawża ta’ din l-inkompetenza tista’ twassal għal inċidenti u fatalitajiet. L-istess japplika meta l-klijent stess jagħżel li jkun hu l-Health & Safety Officer: id-definizzjoni ta’ kompetenza ma teżistix.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll li l-lista tal-persuni li joperaw bħala Health & Safety Officers għandha tkun mandatorja u pubblika f’ġieh it-trasparenza, kontabbiltà u governanza tajba.

F’dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni ħareġ ċar il-bżonn ta’ aktar kordinazzjoni bejn u azzjoni minn l-awtoritajiet konċernati f’dan il-proċess, primarjament l-Awtorità tal-Kostruzzjoni u l-Bini u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà, mal-partijiet konċernati, primarjament il-Health & Safety Officer, is-sid tal-propjetà jew l-iżviluppatur, il-perit, l-inġinier, u l-kuntratturi mqabbda.

Nuqqas li kien osservat fl-abbozz hu l-assenza tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-post tax-xogħol li, pereżempju, meta l-Health & Safety Officer jordna s-sospensjoni tax-xogħlijiet, m’hemmx obbligu li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol tkun infurmata.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li dan in-nuqqas se jkompli joħloq klima ta’ xogħol nieqes mir-regolamentazzjoni, li wassal għaż-żidiet allarmati ta’ fatalitajiet fil-postijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan hu nuqqas serju fl-abbozz ippreżentat mill-Gvern ta’ Robert Abela u jagħti x’jifhem li, minkejja l-ħafna wegħdiet, m’għandux ir-rieda politika li jinvolvi ruħu b’risq il-bidla fil-mentalità li pajjiżna tant jeħtieġ. Bl-istess mod, ir-responsabbiltà għandha tkun maqsuma b’tali mod li l-partijiet kollha jkunu kontabbli tas-sehem tagħhom.

Mill-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Partit Nazzjonalista ħareġ ċar li l-Gvern mhux jindirizza s-sitwazzjoni minn punt ħolistiku, iżda jraqqa ’l hawn u ’l hemm skond kif jidhirlu. Għal darb’oħra, dan juri nuqqas ta’ viżjoni li ma jawgurax tajjeb fil-klima preżenti, fejn Malta rreġistrat żidiet abnormali ta’ fatalijiet fis-sena.

Fil-proċess ta’ konsultazzjoni ħadu sehem id-Deputati Ryan Callus, Stanley Zammit, Toni Bezzina, Rebekah Borg u Ivan Castillo.