Għalkemm ninsabu sew lilhinn minn xi Elezzjoni Ġenerali, Deputati u kandidati tal-Partit Laburista jinsabu għaddejjin jimminaw lil xulxin b’kull mod possibbli, aktar u aktar jekk huma kompetituri ta’ xulxin fuq l-istess Distrett Elettorali. L-istess qed jagħmlu l-kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Ilbieraħ In-Nazzjon irrapporta l-ġlied fl-ogħla livelli ta’ ġerarkija fil-Partit Laburista bil-protagonisti kienu l-Eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat, id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef, id-Deputat Laburista u l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni Randolph De Battista u l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer.
Illum se nirrapportaw il-ġlied bejn id-Deputati Laburisti Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi bis-sehem tal-kandidat prospettiv Laburista Steve Ellul u s-Sindku attwali tal-Gudja Marija Sara Vella Gafà li wkoll ma jarawx għajn m’għajn.
Ċara d-diviżjoni bejn ta’ Miriam Dalli u ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi b’ta’ l-ewwel timbotta lill-kandidat Steve Ellul li hu mbuttat ukoll minn ta’ Kastilja, filwaqt li Stefan Zrinzo Azzopardi qed iħoss li qed jagħmlulu minn kollox biex il-ħajja tiegħu fil-politika tkompli ssir miżerja.
Imbagħad hemm is-Sindku tal-Gudja Marija Sara Vella Gafà li tefgħet ħarsitha fuq ambizzjonijiet akbar – dawk ta’ kandidata hi wkoll għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – u diġà qed tħoss li hemm min irid jiżgambettaha sa ma qabel ma tibda t-tellieqa. Tajjeb li jingħad li missierha, Pawlu Vella u li hu ċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, għandu sa ċertu punt l-għodda meħtieġa biex ikun jista’ jimbotta lil bintu tipprova tilħaq dan it-tragward. Imma l-intenzjonijiet minn ta’ Kastilja huma differenti għaliex għalihom l-isem ta’ Marija Sara Vella Gafà hu biss isem ta’ konvenjenza fuq il-ballott sheet għall-elezzjoni ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla! Anki għaliex ta’ Kastilja qed jagħtu l-ġenb lil Stefan Zrinzo Azzopardi.
Jiġifieri sitwazzjoni fejn l-aġendi personali jirbħu fuq l-aġenda kollettiva u dawk li suppost ikunu fuq l-istess front u jiġbdu ħabel wieħed, fil-verità huma antagonisti għal xulxin u kemm fil-beraħ u aktar u aktar fil-magħluq, iwaddbu l-vleġeġ lil xulxin.
Eżempju klassiku li jikkonferma dan kollu hu l-inawgurazzjoni mill-ġdid ta’ Ġnien iż-Żgħażagħ fil-Ġudja. Oriġinarjament dan il-ġnien kien rinnovat fl-2018 mill-Kunsill Lokali Gudja. Fil-fatt Ġnien iż-Żgħażagħ kien proġett tal-Kunsill Lokali permezz taż-żgħażagħ tal-lokalità li kieninawgurat fis-6 ta’ Ġunju tal-2018 mill-Eks Deputat Laburista Silvio Parnis (illum mejjet) u mill-Eks Sindku Laburista Mario Calleja (illum mejjet).
Issa, wara li milli jidher il-Gvern telaq għal kollox dan il-ġnien u pproġettah bħala li jinsab fi stat ta’ abbandun, reġa’ saru xi xogħlijiet fuqu, tħawlu xi pjanti, inqalgħet il-lapida oriġinali tas-6 ta’ Ġunju tal-2018, minflokha tpoġġiet lapida oħra… u l-Ministru Miriam Dalli u l-kandidat favorit tagħha Steve Ellul inawgurawh mill-ġdid!
Naturalment bl-iskop li jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa fil-Gudja u biex jieħdu l-proset li għamlu xi ħaġa u hekk jidhru fuq l-aħbarijiet tal-PBS u jirbħu ftit pubbliċità rħisa! Jiġifieri, fi ftit kliem inawguraw ġnien rinnovat li kien diġà ġie inawgurat ftit tas-snin ilu!
Tajjeb li nfissru li Ġnien iż-Żgħażagħ, ġnien żgħir fil-parametri tal-Gudja, issa qed ikun ippreżentat bħala fost l-aktar proġetti riċenti li għamlet l-aġenzija Project Green li hi proprju mmexxija minn Steve Ellul li ngħata miljuni kbar ta’ ewro biex suppost iġib ‘il quddiem l-interessi tal-ambjent f’pajjiżna.
Naturalment min jaf sew l-affarijiet jargumenta li dawn huma biss miljuni ta’ ewro biex direttament jgħinu lil Steve Ellul jagħmilha għall-Parlament Ewropew fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla bil-kollegi kandidati l-oħra tal-Partit Laburista huma infurjati għal dawn l-inġustizzji interni moħmija f’Kastilja.
B’rabta mal-inawgurazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-ġnien, fi stqarrija uffiċjali maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni ngħad li dan il-ġnien kien inawgurat wara li saru xogħlijiet fih biex ma jibqax fi stat ta’ żona abbadunata u hekk ir-residenti tal-Gudja jkunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju miftuħ.
Filwaqt li x-xogħlijiet riċenti li saru f’dan il-ġnien kienu msejħa bħala nifs ta’ arja ġdida għal dan l-istess ġnien pubbliku, l-istess stqarrija ma semmiet xejn li oriġinarjament dan il-ġnien kien inawgurat fl-2018.
U kollox jindika li s-Sindku tal-Gudja Marija Sara Vella Gafà ħadet għaliha bil-kbir għall-fatt, skont mhi tgħid hi stess u dawk ta’ madwarha, anqas biss kienet mistiedna għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni mill-ġdid ta’ Ġnien iż-Żgħażagħ! Naturalment biex il-proset kollu jeħduh il-Ministru Miriam Dalli u l-kandidat Steve Ellul li jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa għal-lokalità. Imma xorta waħda għaddiet ta’ rasha għaliex xorta waħda feġġgħet għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-ġnien… naturalment b’sorpriża għal dawk kollha preżenti.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qiegħed iħossha sew l-attitudni fil-konfront tiegħu għaliex filwaqt li Miriam Dalli qed tkun imbuttata u qed tidher li qed taħdem għat-tisħiħ tal-ambjent… hu qiegħed iġorr il-mażżra tal-Awtorità tal-Ippjanar li spiss ħafna hi fiċ-ċentru ta’ ħafna kritika mill-aktar ġusta dwar kif l-ambjent f’pajjiżna qiegħed ikompli jkun irrovinat u mħarbat.
In-narrattiva li qed tingħad minn Stefan Zrinzo Azzopardi u dawk qrib tiegħu hi li filwaqt li Steve Ellul qed jirkeb fuq il-miljuni ta’ fondi li tpoġġew għall-Project Green, Miriam Dalli – li diġa’ qed taħdem għal-leadership tal-partit – mhix toqgħod lura milli ssaħħaħ lilha nnifisha fl-istrutturi tal-Gvern. Dan għaliex filwaqt li Robert Abela ta’ kuljum qiegħed inaqqas hi (flimkien ma’ kollegi oħrajn) huma lesti biex kif ikollhom nitfa’ ċans jeħduh!
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu tajjeb li ngħidu li ż-żgħażagħ li ħadmu f’dan il-ġnien, allura qabel ma kien oriġinarjament inawgurat f’Ġunju tal-2018, huma diżappuntati ħafna bl-atteġġjament tal-Ministru Miriam Dalli u tal-kandidat Steve Ellul li litteralment irmew l-inizjattiva kollha li kienu ħadu – sa tajru wkoll il-lapida li kienu għamlu – biex issa mingħalihom li għamlu xi opra ġdida b’lapida ġdida!
//= $special ?>