Lokali

Robert Abela jibqa’ ma jgħidx jekk għandux fiduċja f’Joseph Muscat

Jibqa’ ma jeskludix li Muscat qed iwettaq frame-up fuq Chris Fearne

Robert Abela ma jridx iwieġeb domanda sempliċi;  jekk kellimx jew le lill-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat, b’rabta mal-allegazzjoni li l-eks Mexxej tal-Labour qiegħed iwettaq frame-up fuq il-Ministru Chris Fearne.

Wara li fil-bidu tal-ġimgħa bagħtna nistaqsu dwar is-suġġett lil Muscat innifsu, issa Abela ħassa bi kbira saħansitra jagħmel referenza għalih, jew jiprova tal-inqas jiddefendih. U mistoqsi jekk għandux fiduċja f’Muscat….Robert Abela baqa’ sieket.

Għall-cameras, Robert Abela qed jgħid li għandu fiduċja fid-Deputat tiegħu, iżda jibqa’ skiet dwar Joseph Muscat – fejn ħareġ aktar fid-deher l-instabbiltà u l-qasma li hemm bejn il-fazzjoni ta’ Abela u ta’ Muscat. F’temp ta’ ħamest ijiem Robert Abela kellu tal-inqas żewġ okkażjonijiet sabiex jiċħad li dan l-allegat frame-up qed jinħema mill-kamp laburista, partikolarment minn naħa ta’ Joseph Muscat – iżda minflok, Abela spiċċa ċaħad lill-eks Mexxej tiegħu 3 darbiet.