Lokali Qorti

Tliet snin u nofs ħabs fuq frodi b’ċekkijiet

Raġel ta’ 34 sena mill-Gżira ġie ikkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia sabitu ħati li xtara numru ta’ air conditioners u ħallas deliveryman tal-ikel b’ċekkijiet misruqa. Thomas Camilleri li hu magħruf sew mal-Pulizija kien beda jiġi nvestigat fuq dan il-każ wara li saru diversi rapporti minn persuni li qalu li “ngidmu” wara li pprovdewlu servizz matul ix-xahar ta’ Marzu 2021.

Għaldaqstant Camilleri, li għandu problema ta’ droga nstab ħati li ffroda u qarraq b’diversi persuni bil-Qorti tgħid ukoll li l-Artikolu 28(7) tal-Kodiċi Kriminali jippreskrivi li ma tistax tinghata sentenza sospiza meta l-ikkundannat ikun diġà qiegħed jiskonta sentenza ta’ priġunerija.

” Fil-kaz odjern, l-imputat qieghed jiskonta diversi sentenzi ta’ prigunerija, Ghalhekk, il-Qorti hija
legalment prekluza li tati sentenza sospiza,” tgħid is-sentenza. Ir-reati seħħew f’Marzu tal-2021 b-ewwel rapport isir minn żewġ ħaddiema li biegħu żewġ air conditioners lil Camilleri li ħallashom €1,000 b’ċekk li dan spiċċa ma ssarrafx għax kien maħruġ fuq persuna oħra. It-tieni rapport sar minn deliveryman ta’ restorant Ċiniż li wassal l-ikel lill-akkużat u dan ħallsu €200 b’ċekk li wkoll ma ssarrafx.

It-tielet rapport lill-Pulizija kien mingħand raġel li biegħ televixin lil Camilleri li talbu jistennih sakemm imur jiġbed flus mill-ATM imma baqa’ ma rritornax. Rapport ieħor sar minn raġel li biegħ żewġ air conditioners lill-akkużat u dan tah ċekk ta’ €1,700 li wkoll ma ssarrafx.

Taxi driver ukoll irrapporta li wassal lill-akkużat lejn San Pawl il-Baħar u dan seraqlu €110. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li dawn ir-reati seħħew waqt li Camilleri kien qiegħed barra fuq żewġ digrieti ta’ libertà proviżorja. Fost il-provi li ressqet il-prosekuzzjoni kien hemm il-ktieb ta’ ċekkijiet li nstab għand Camilleri.

Camilleri ma nstabx ħati li seraq ix-xufier tat-taxi għax għalkemm identifikah fl-awla, dakinhar il-passiġġier li serqu kien liebes maskra tal-Covid u għalhekk kellha dubji kemm fil-verità seta’ jingħaraf. Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Qorti qieset il-fatt li Camilleri kien diġà ġie kkundannat 10 darbiet oħra.

Ir-reati li tagħhom kien instab ħati fis-snin imgħoddija kienu jinkludu l-aktar serq jew frodi. Il-Maġistrat Farrugia qieset ukoll li huwa għandu problema kbira ta’ tossikodipendenza u qalet li l-aħjar jindirizza din il-problema waqt li jkun il-ħabs fejn huwa diġà qed jiskonta xi pieni.

Il-Qorti qalet li f’ dan il-każ jidher ċar mill-provi li l-imputat ghamel qliegħ a skapitu ta’ erba’ persuni b’ingann u tlieta minnhom bl-użu ta’ ċekkijiet iffalsifikati. Dan kontra l-prinċipju fondamentalissimu li l-eżercizzju tal-kummerc u r-relazzjonijet kummerċjali għandhom isiru fi spirtu ta’ bona fide.

Kieku kellu jitwarrab dan il-prinċipju, l-ebda negozjant ma jaċċetta ċekkijiet. Għalhekk il-Qrati tal-Gustizzja Kriminali għandhom id-dover legali li japplikaw pieni proporzjonati iżda adegwati sabiex iservu bhala deterrent effettiv għal min jipprova jisfrutta din il-bona fede li qegħda fil-bażi tal-ħajja kummerċjali

Fattur ieħor f’dawn il-proċeduri, qalet il-Qorti – l-imputat ma wera l-ebda interess li jirriffondi lill-vittmi tiegħu għad-danni li sofrew. Tenut kont anke tal-atteġġament tal-imputat waqt dawn il-proċeduri, u t-titubanzi tiegħu biex jibda jagħmel programm ta’ riabilitazzjoni, l-Qorti qalet li hi konvinta, li l-unika
mod kif forsi l-imputat ikompli jissoda l-motivazzjoni tiegħu biex jagħmel dan, huwa billi jkompli jagħmel dan il-programm minn ambjent kontrollat tal-ħabs

Fil-komputazzjoni tal-piena l-Qorti segwiet sentenza tal-Qorti Kriminali fl-appell li kienet tat fuq każ ieħor, li kien ġei deċiż fis-6 ta’ Marzu 1954. Il-Qorti qalet ukoll li l-ogħla ammont defrawdat huwa dak ta’ €1,552.

Minbarra l-piena ta’ ħabs, il-Maġistrat Farrugia ordnat li €250 f’depożitu u €4,000 f’garanzija personali li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq żewġ każijiet oħra jgħaddu għand il-Gvern. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri u Christina Delia.