Lokali

35 sena mill-imblokk infami tal-Port il-Kbir biex ma tidħolx Malta l-Ark Royal

Huma riedu l-inkwiet iżda l-poplu tahom tweġiba kif jaf hu

L-inċidenti fil-Port il-Kbir, fl-okkażjoni taż-żjara tal-HMS Ark Royal f’Ġunju 1988, kienu dikjarati bħala ‘politikament motivati’ fir-Rapport Annwali tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan dwar id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-rapport qal ukoll li l-MLP u l-GWU kienu ħadu fuqhom ir-responsabbiltà ta’ dak li ġara.

Dwar dik il-ġrajja tkellem fit-tul Eddie Fenech Adami fil-ktieb bijografiku tiegħu My Journey. Jgħid li meta kien mistoqsi jekk jaċċettax task group tar-Royal Navy immexxi minn HMS Ark Royal, fi triqtu lejn l-Awstralja, hu mill-ewwel wieġeb ‘iva’.

Fenech Adami jgħid li Karmenu Mifsud Bonnici fit-tmexxija tal-MLP kien mistenni li joġġezzjona minħabba preġudizzji tiegħu. Infatti l-Mexxej Laburista beda jistaqsi jekk il-bastiment kienx se jkollu fuqu armamenti nukleari.

Tliet ġimgħat qabel iż-żjara, KMB talab dibattitu fil-Parlament li kien miċħud. Fl-istess ħin il-PM Fenech Adami kien qed jitkellem mal-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta, mal-MLP u mal-GWU u magħhom stqarr li kien lest iressaq mozzjoni fis-sens li l-politika uffiċjali ta’ Malta kienet kontra l-armamenti nukleari u li allura kien jistenna li vapuri barranin li jidħlu Malta jimxu skont din il-pożizzjoni.

L-Ingliżi, għalkemm fehmu dan, qalu li huma ma jagħmlux stqarrijiet f’dan is-sens.

Fl-aħħar jumejn il-Gvern kien aċċetta li l-Parlament jiddiskuti l-mozzjoni ta’ KMB iżda f’daqqa waħda sar jaf li grupp ta’ ħaddiema tat-Tarzna kien ħatfu tanker, il-‘Copper Mountain’ u bih għalqu l-bokka tal-port. Fenech Adami mill-ewwel informa lill-GWU li dik kienet azzjoni illegali.

Fil-Parlament il-mozzjoni ta’ KMB kienet megħluba u l-PN sejjaħ Mass Meeting f’Tas-Sliema fejn sar appell għall-kalma waqt li n-nies kienu inkoraġġiti jagħtu merħba lill-vapuri Ingliżi.

Iżda, jgħid Fenech Adami, din il-ġrajja kienet qed tintuża biex jostakolaw lill-Gvern. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Malti mill-ewwel beda jaħseb f’alternattiva biex ikunu evitati inċidenti serji. L-Ingliżi ssuġġerew li l-vapuri jidħlu fil-Port ta’ Marsamxett iżda Fenech Adami sostna li San Pawl il-Baħar ikun aħjar… l-Ingliżi aċċettaw immedjatament.

Kien hemm biża’ li malli l-Labour isir jaf li l-vapuri se jidħlu San Pawl il-Baħar jorganizza dimostrazzjonijiet hemm. Bħala prekawzjoni l-PN kien lesta pjan biex jekk tqum il-ħtieġa, it-toroq li jagħtu għal dawk l-inħawi jkunu imblukkati permezz ta’ bulldozers u inġenji tqal oħrajn.

Fenech Adami jgħid li l-pjan ħadem perfettament għaliex l-Ark Royal ngħata merħba stupenda b’eluf ta’ Maltin preżenti hemmhekk it-tul kollu taż-żjara f’Malta. Jgħid ukoll li l-ħwienet ta’ dawk l-inħawi gawdew ħafna minn dan is-suċċess.

L-Oppożizzjoni Laburista, minkejja l-isforzi kollha tagħha, ma waqqfitx iż-żjara li l-Ingliżi stess sejħu bħala waħda ‘memorabbli’.

IN-NAZZJON tal-lum qed tfakkar f’aktar dettall dan l-anniversarju b’kitbiet ta’ Victor Camilleri