Lokali Parlament

Clyde Caruana kien se jappunta Chairman tal-FIAU bi ksur tal-liġi

Kellha tkun l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li salvat lill-Gvern milli, permezz tal-Ministru Clyde Caruana, jaħtar Chairman ġdid tal-FIAU bi ksur.

Dan seħħ fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi meta l-Ministru Clyde Caruana ressaq in-nomina ta’ Kenneth Farrugia bħala chairman ġdid tal-FIAU.

Il-liġi tispeċifika li ċ-Chairman tal-FIAU jrid jintgħażel minn fost il-bord tal-istess FIAU u ma jistax ikun nominat minn barra. Matul l-istess laqgħa, l-Oppożizzjoni ġibdet l-attenzjoni tal-kumitat parlamentari li Kenneth Farrugia ma kienx għadu membru maħtur tal-bord tal-FIAU u għalhekk ma setax ikun maħtur chairman tal-istess Federazzjoni.

Il-membri tal-Oppożizzjoni f’dan il-kumitat kienu d-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina, Adrian Delia u Julie Zahra. Kienet fil-fatt l-Oppożizzjoni li rrimarkat li din in-nomina ma tistax tkun konfermata propju minħabba dan in-nuqqas min-naħa tal-Gvern. Il-membri tal-Gvern dan il-kumitat dehru maħsuda quddiem din is-sitwazzjoni u ma setgħu jagħmlu xejn ħlief li jipproponu posponiment tas-seduta sakemm is-sitwazzjoni tkun kjarfikata.

Is-seduta ta’ nhar it-Tlieta li għadda kienet biss dwar il-ħatra ta’ Kenneth Farrugia fil-kariga ta’ chairman tal-FIAU u kienet preseduta mid-Deputat Laburista Chris Agius.

Fil-bidu tal-laqgħa, Kenneth Farrugia spjega lill-kumitat il-ħidma li hu wettaq fil-karriera tiegħu u qal li hu gradwat bħala accountant, ħadem bħala adwitur u aktar tard kien Heritage Malta u aktar tard fid-Dipartiment tal-Awditjar Investigattiv fejn isir l-awditjar intern tal-Gvern u investigazzjonijiet finanzjarji. Hu kien maħtur Direttur l-FIAU fl-2017 u dam sa April 2023 fejn inħatar CEO tal-MFSA.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa jekk hux membru tal-Bord tal-FIAU bix-xhud iwieġeb li mhux u kien nominat membru tal-Bord bħala rappreżentant tal-MFSA.

Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jekk hux membru approvat uffiċjalment fil-Bord tal-FIAU, Kenneth Farrugia qal li għad ma rċeviex il-ħatra uffiċjali għalkemm kien nominat fil-bord tal-FIAU.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-liġi tgħid li persuna ma tistax tkun chairman jekk ma tkunx membru tal-Bord.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia insista li x-xhud jikkonferma hux membru tal-Bord tal-FIAU fejn hu kkonferma li ma kienx irċieva l-ħatra uffiċjali.

Iċ-Chairman Chris Agius staqsa jekk il-ministru nnominax lil Kenneth Farrugia bħala Chairperson u bħala membru tal-bord fl-istess waqt.

Karol Aquilina insista li ċ-chairman irid ikun maħtur membru tal-Bord biex jokkupa din il-kariga. Hu ppropona li qabel tkompli l-laqgħa din il-kwistjoni tkun kjarifikata.

Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-kumitat jista’ jissospendi d-diskussjoni fuq din il-kwistjoni u jittratta jekk Kenneth Farrugia għandux ikun chairman tal-FIAU mill-aspett ta’ kwalitajiet u kompetenzi. Wara diskussjoni, hu ppropona differenti u sostna li l-Kumitat ikun sospiż u jerġa’ jiltaqa’ wara li din il-problema tkun solvuta.

Karol Aquilina wieġeb li kienet saret bidla fil-liġi dwar kif jinħatru l-karigi u kien jistenna li l-ministru josserva l-liġi. Hu qal li kien hemm nuqqas ieħor f’dawn il-proċeduri għaliex l-ittra għal din il-ħatra ma kellhiex tinkiteb mill-ministru iżda mill-Prim Ministru għaliex il-liġi tispeċifika li l-ħatra għandha ssir mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Finanzi.

Adrian Delia qal li r-rieda tal-leġiżlatur kienet li bħala chairman l-FIAU ma jkollhiex persuna minn barra li ma jkollux esperjenza tal-FIAU iżda li ċ-chairman ikun minn fost il-membri. Hu sostna li l-Ministru għandu jifhem x’qed tgħid il-liġi biex tkun konformi ma’ dak li tesiġi l-liġi.

Is-seduta kienet sospiża sakemm tkun solvuta din il-problema.