Sport Waterpolo

Il-Ġermanja superjuri fil-ġurnata … il-kwalifikazzjoni tkun deċiża fl-aħħar logħba

Rapport: Stewart Said

MALTA…………….. 10

ĠERMANJA…….. 15

(2-3), (2-4), (3-2), (3-6)

Kollox għal filgħodu. It-tim nazzjonali Malti kien megħlub mill-Ġermanja, b’tal-aħħar prattikament huma kwalifikati għall-fażi finali. L-aħħar logħba kontra l-Bulgarija se tkun deċiżiva, bit-tim Malti mistenni jirbaħ dan il-konfront. Il-prestazzjoni tat-tim Malti ma kinitx negattiva iżda l-Ġermaniżi urew li huma superjuri.

It-tim Malti kellu l-aqwa bidu possibbli b’żewġ gowls bikrin li waslu permezz ta’ Liam Galea u Nicholas Bugelli. Il-Ġermanja rkuprat minn din il-ħasda u rnexxielha tmur fil-vantaġġ sa tmiem l-ewwel sessjoni. Yannek Chiru u Zoran Bozic skorjaw it-tnejn minn man-up filwaqt li Maurice Jungling skorja l-gowl tal-vantaġġ b’azzjoni personali.

It-tim Malti naqas li jżomm il-livell fit-tieni sessjoni, bl-avversarji jieħdu kontroll tal-logħba. Il-plejers Maltin ma ħadux vantaġġ mill-man-ups li kellhom filwaqt li l-Ġermaniżi bdew juru s-superjorità tagħhom.

Meta l-Ġermanja kienet 6-2 minn fuq u kien għad fadal madwar żewġ minuti minn tmiem is-sessjoni, il-logħba kellha tieqaf għal madwar għaxar minuti minħabba problemi fil-lasta. Wara din il-pawża, it-tim Malti rnexxilu jnaqqas id-distakk għal 7-4.

Il-Ġermanja dehret fi triqtha lejn ir-rebħa hekk kif kabbret il-vantaġġ għal 9-4. Iżda t-tim Malti stenbaħ lejn tmiem it-tielet sessjoni u b’gowls ta’ Jake Muscat, Liam Galea u Jamie Gambin minn man-up, fetħu l-logħba beraħ.

Madankollu fl-aħħar sessjoni l-Ġermanja kienet fil-kontroll u kkonsolidat il-vantaġġ, bl-għan tat-tim Malti kien li tal-anqas jitnaqqas id-distakk tat-telfa minħabba d-differenza tal-gowls. Dan il-fattur jista’ jkun determinanti għall-kwalifikazzjoni.

Malta: J. Tanti, J. Gabarretta, L. Galea (2), J. Gambin (1), J. Cutajar (1), B. Plumpton, J. Muscat (3), B. Cachia, J. Abela (1), N. Zammit (1), A. Fenech, N. Bugelli (1), N. Grixti

Ġermanja: F. Benke, Z. Bozic (5), F. Korbel, M. Cuk (1), F. Schutze, M. Jungling (1), D. Strelezkij (1), Y. Chiru (2), A. Sekulic (2), O. Dollf, N. Schipper (2), M. Gansen, K. Gotz

Referees: Tomas Kaseta (Litwanja), Erwin Schapers (Olanda)

Logħob għal għada

Malta v Bulgarija            9.00am

Ukrajna v Ġermanja        10.15am