Ewropa Internazzjonali Lokali

Il-President Roberta Metsola tingħata l-unur ‘Biagio Agnes’ f’Ruma

EP-153033E_Metsola-Rome

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet unur waqt il-15-il edizzjoni tal-
‘Premio Biagio Agnes – Premio Internazionale di Giornalismo e Informazione.’ Iċ-ċerimonja tal-Unuri li tixxandar fuq ir-RAI, ġiet organizzata fi Piazza del Campidoglio f’Ruma. Il-‘Premju għall-istituzzjonijiet Ewropej’ ingħata lill-MEP Maltija għall-ħidma tagħha f’dawn l-aħħar 18-il xahar bħala President tal-Parlament Ewropew, waqt li ġiet elenkata wkoll il-ħidma tagħha qabel il-Presidenza, partikolarment fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-ħidma li wettqet għal regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea li jindirizzaw il-kawżi Strateġiċi kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika, magħrufa wkoll bħala SLAPP.

Wara li rċeviet l-unur, il-President Metsola stqarret: “Ninsab onorata ħafna li ingħatajt l-Unur Biago Agnes. Dan huwa xhieda tal-isforzi tal-Parlament Ewropew li kien fuq quddiemnett fl-isforzi biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna, li żamm kelmtu biex joħroġ lil hinn minn Brussell u Strasburgu, u jieħu l-Ewropa għand in-nies f’kull raħal u belt.

Se nibqgħu għaddejjin. Se nisimgħu aktar, nikkonvinċu aktar u nispjegaw aħjar il-benefiċċji tal-proġett Ewropew tagħna. L-Ewropa tista’ tkun aktar minn hekk. Huwa xogħolna li niżguraw li kulħadd jikseb dan.”
Organizzati mill-Fondazione Biagio Agnes b’kollaborazzjoni mar-RAI, dawn il-premjijiet għandhom il-patroċinju tal-istituzzjonijiet tal-Italja, inkluż tal-President tar-Repubblika, talPresidenza tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Kamra tad-Deputati.

Fost ir-rebbieħa l-oħra tal-edizzjoni ta’ din is-sena, l-ġurnalisti Stefania Battistini u Lorenzo Cremonesi rebħu l-premju għar-rappurtaġġ tagħhom tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, filwaqt li l-personalità Taljana tat-TV Fiorello rebaħ il-‘Premju tat-Televiżjoni’.

Dan il-premju kien parti miż-żjara ta’ jumejn tal-President Metsola f’Ruma, fejn iltaqgħet mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni u mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Antonio Tajani. Il-President Metsola ltaqgħet ukoll ma’ Studenti Universitarji f’Europa Experience David Maria Sassoli, fejn iddiskutiet l-importanza tal-ġurnaliżmu f’demokrazija b’saħħitha.

Iċ-ċerimonja tal-Premio Biagio Agnes se tixxandar fuq Rai 1 nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju. Aktar
informazzjoni fuq l-unuri: https://www.premiobiagioagnes.it/